Ġuvintur u tfajla akkużati b’serq f’każi separati

Żewġ ġuvintur ta' 17-il sena mill-Ħamrun u San Ġiljan tressqu l-Qorti mixlija li ppruvaw jisirqu minn nursery tal-futbol.

Huma ġew mixlija wkoll li għamlu l-ħsara fuq il-bieb tal-klabb u li ħarbu mill-kustodja tal-Pulizija.

Il-ġuvni mill-Ħamrun ġie akkużat ukoll li fix-xhur ta’ qabel, seraq stereo, nuċċali tax-xemx u msielet u li żamm dawn l-oġġetti misruqa.

Huwa kien akkużat li sar reċediv u li kiser il-kundizzjoni imposta fuqu mill-Qorti.

Il-ġuvintur wieġbu li kienu ħajta għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-ġuvni mill-Ħamrun tpoġġa fuq probation għal tliet snin u l-ħelsien mill-arrest fuq kundizzjoni għal sena, filwaqt li l-ġuvni l-ieħor tpoġġa fuq probation għal sentejn.

F'każ separat, Shirley Micallef ta' 34 sena mill-Belt Valletta tressqet quddiem il-Qorti mixlija li serqet minn ħanut tad-deheb li jinsab fi Triq Santa Luċija fil-Belt.

Hija ġiet akkużata wkoll li naqset milli tħares kundizzjonijiet imposta fuqha mill-Qorti u li saret reċediva.

Hija wieġbet li ma kinitx ħatja tal-akkużi mressqa fil-konfront tagħha u ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest u għalhekk se tinżamm fil-Faċilita Korrettiva ta' Kordin.