Ġustizzja mat-Taljan 10 snin wara

Taljan li spiċċa b’diżabilità permanenti wara li ssawwat fl-2007 ingħata kumpens ta’ ftit iktar minn €100,000.
Il-każ seħħ f’Lulju 2007 meta ż-żagħżugħ Taljan, Filippo de Romanis, li dak iż-żmien kellu 20 sena kien għal btala f’Malta ma’ ħuh u ħabib tiegħu, fejn attendew konferenza.
Huma kienu f’diskoteka f’Paceville meta nqala’ argument bejn grupp ta’ Taljani xurbana li spiċċaw mkeċċija.
L-uffiċjali tas-sigurtà ħarġu lit-Taljani mill-istabbiliment, bil-ġlieda tkompli barra l-bieb. Intuża sprej li ma jħallix persuna tara.
Iż-żewġ bouncers, James Azzopardi u Martin Bonnici, komplew isawtu liż-żagħżugħ anki meta kien mal-art.
It-Taljani kienu għamlu rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan filwaqt li Romanis spiċċa l-isptar għall-kura. Huwa spiċċa bi 11% diżabilità permanenti.
Iż-żewġt irġiel kienu wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom fil-każ kriminali. Iż-żagħżugħ fittixhom għad-danni f’liema kawża huma wieġbu li ma għamlu xejn ħażin u sostnew li kienu taħt pressjoni biex jammettu fil-kawża kriminali.
Madankollu l-Qorti żammet liż-żewġ bouncers responsabbli għall-ġrieħi li sofra ż-żagħżugħ u kkundannathom iħallsu €102,523.42 f’danni.