Ġustizzja bi Tbissima: Kelma bejn żewġ avukati

Dr Tonio Borg, l-awtur tal-ktieb ġdid Ġustizzja bi Tbissima, Stejjer umoristiċi ppreżenta kopja tal-ktieb lill-Arċisqof Charles Scicluna. Kemm Tonio  Borg kif ukoll l-Arċisqof huma avukati.

F’dan il-ktieb Tonio Borg jirrakkonta avventuri u praspar li ġraw fl-awli, l-uffiċċji tal-avukati u fil-kurituri tal-Qorti.

Fil-veru sens tal-kelma l-avukati, il-maġistrati u l-imħallfin jaraw minn kollox quddiemhom: kawżi dwar klieb u qtates, ġlied bejn il-ġirien, argumenti dwar wirt, kwistjonijiet dwar tiġijiet u l-għarajjes, oġġetti personali u privati! Mill-għatba ’l ġewwa tal-Qorti ssib minn kollox, u f’dan il-ktieb se taqra dak li qatt ma jiġi rappurtat fil-gazzetti!

X’jiġri meta xhud jgħid li jismu Lorry flok Lawrence, jew meta klijent jitlob li jinħareġ mandat ta’ benedizzjoni flok inibizzjoni? Jekk ikollok xi obbligazzjoni lejn avukat x’tip ta rigal tagħtih? X’jiġri meta l-klijenti jmorru jfittxu l-attwarju u ma jsibuhx? Jew meta operazzjoni biex jitranġa sider ma tirnexxix? X’kellha speċjali biex baqgħet tissemma l-mogħża Għawdxija? Kemm dam Imħallef li tilef proċess sakemm induna li kien qed ipoġġi fuqu? Anki Maġistrati u Mħallfin jiżżeffnu f’diversi stejjer umoristiċi.

F’dan il-ktieb qed jiġu ppubblikati wkoll għall-ewwel darba poeżiji li nkitbu waqt kawżi jaħarqu nar. Għall-ewwel darba wkoll qed jiġu ppubblikati d-dwetti li kien jikteb l-Imħallef Victor Caruana Colombo fl-okkażjoni tal-festa tal-qaddis patrun tal-avukati Sant’Ivo, meta ssir l-ikla tradizzjonali għall-avukati. F’dawn it-taqbiliet satiriċi, Victor Caruana Colombo ma jħallihiex lixxa lil membri tal-ġudikatura u avukati. L-Imħallef jagħraxhom, jinbixhom u jiġbdilhom saqajhom it-tnejn!

Il-ktieb jinkludi wkoll illustrazzjonijiet ta’ diversi Imħallfin, Maġistrati u Avukati. L-illustrazzjonijiet saru minn Mark Schembri. Il-ktieb, pubblikazzjoni Kite Group jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba.