Ġurnata speċjali għal Victor Grech

Victor Grech

Awguri lill-attur veteran Victor Grech li llum qed jiċċelebra għeluq l-94 sena tiegħu. Huwa twieled bħal-lum it-8 ta’ Settembru tal-1926. Imsemmi Victor proprju għax twieled fil-festa tal-Vitorja.

Bħalissa lil Victor Grech qed narawh fir-repetizzjonijiet tas-sensiela Ipokriti fuq TVM. F’din is-sensiela jinterpreta lil Sander.

Victor Grech għamel l-ewwel dehra tiegħu fuq il-palk fl-1945 mal-kumpanija Star of the Sea. Kien ukoll fost l-ewwel li kien jieħu sehem fir-radio plays kif ukoll ingħaqad ma’ kumpaniji bħal Cachia Ghirlando kif ukoll Maleth.

Kien ħa sehem ukoll f’xi films li kienu nħadmu f’Malta bħal The Malta Story u Vendetta for the Saint u f’episodju ta’ Remmington Steele.

Dan minbarra numru ta’ produzzjonijiet lokali bħal Madonna Zingara, F’Baħar Wieħed, Kristu Fl-Iżbarra, Hekk Jidhirlek Mela Hekk Hu u Dejjem Tiegħek.

Victor ilu mill-1961 miżżewweġ lill-attriċi u preżentatriċi Mary Grech, li bħal Victor illum hija rtirata. Huma ġenituri ta’ tnejn u anki huma nanniet.

Nawguraw lil Victor l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.