Ġurnata speċjali għal Mario Meli

L-eks ġurnalist sportiv Mario Meli llum qiegħed jiċċelebra għeluq it-80 sena. Huwa twieled bħal-lum id-19 ta’ Mejju tal-1940.

Mario twieled il-Belt Valletta. Attenda l-iskola primarja fil-Baviera, fil-Belt Valletta u wara l-kulleġġ ta’ Stella Maris u id-Dockyard Technical College.

Beda jaħdem bħala apprentist fid-Dockyard u wara ngħaqad mad-Diviżjoni Sportiva fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Fl-1962 Mario ngħaqad mar-Redifussion u matul is-snin kien il-korrispondent għal Malta waqt diversi avvenimenti sportivi fosthom is-snooker fl-Irlanda, it-table tennis fiċ-Ċina, iċ-Chess fir-Russja, il-Logħob Mediterranju fis-Syria, fil-Marokk u fi Franza, żewġ edizzjonijiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Ċipru u f’Andorra u għadd kbir ta’ partiti internazzjonali tal-futbol.

Għal xi snin kien ukoll referee tal-futbol.

L-impenn tiegħu fl-isport ma kienx limitat għall-kummentarji f’avvenimenti sportive iżda wkoll kellu karigi ma’ diversi assoċjazzjonjijiet sportivi. Kien ukoll il-President tal-kumitat ta’ Giochi Senza Frontiere li fis-Snin 90 kienu ttellgħu f’Malta.

Mario Meli ħadem ukoll fuq diversi pubblikazzjonijiet sportivi bħal Panorama Sports u Arena Sportiva.

Meli, li hu miżżeweġ lil Marcelle u għandhom żewġ ulied, Suzanne u Valerie, irtira mix-xandir fl-2015, wara 53 sena ta’ servizz kontinwu.

Ad multos annos!