Il-Kummissjoni Elettorali tgħid li Delia kellu programm fuq il-media tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva l-ġurnata tal-lum bħala waħda sewda għal Partit Nazzjonalista hekk kif stqarr li twaqqaf mill-kontestant l-ieħor Bernard Grech billi jżomm l-appuntament li kellu ta’ darba f’ġimgħa fuq NET FM bħala kap tal-Partit.

Min-naħa tagħha l-Kummissjonni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qalet li ż-żewġ kandidati ngħataw nofs siegħa kull wieħed fuq l-istazzjon NET FM u dawn kellhom jalternaw minn darba għall-oħra. Il-Kummissjoni qalet li Delia ried bħala Kap tal-Partit bi dritt jitkellem fil-11.30am u min-naħa tagħha dan ma setgħetx taċċettah.

Hu qal li Grech għadu lanqas ġie kkonfermat bħala kandidat u se jitħalla jaħtaf l-unika programm kellu bi dritt bħal kap tal-Partit.

Delia tkellem fuq FB Live fejn spjega li din il-ġimgħa l-Kummissjoni Elettorali tal-PN infurmatu li l-programm li kellu kull ġimgħa fil-11.30am biex ixandar il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista kien se jingħata lil Bernard Grech wara talba li saret mit-tim ta’ Grech.

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li Adrian Delia ngħata l-ħin ta’ bejn il-11am u l-11.30am biex jitkellem filwaqt li Bernard Grech kellu jitkellem bejn 11.30am u 12pm. Dawn il-ħinijiet ingħataw mill-Kummissjoni Elettorali.

Din hija ġurnata sewda għall-Partit Nazzjonalista. L-avukat Bernard Grech li għadu lanqas ġie kkonfermat bħala…

Posted by Adrian Delia on Saturday, September 12, 2020

Delia qal li ġie offrut ħin differenti bl-għan li ż-żewġ kontestanti jkollhom vuċi fuq in-NET FM. Delia qal li hu qatt ma uża dan il-ħin għal gwadann tiegħu personali iżda biex bħala Kap tal-PN iwassal il-messaġġ tal-Partit.

Il-kandidati kellhom nofs siegħa kull wieħed u dejjem jalternaw min jibda – Kummissjoni Elettorali PN

Fi stqariija l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qalet li fl-aħħar ġimgħat il-Kummissjoni Elettorali ħarġet skeda ta’ ġimgħa b’ġimgħa ta’ programmi li jibbilanċjaw ix-xandir bejn dawk li wrew interess biex jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kap tal-Partit. Żiedet li min-naħa tagħha ma ċaħdet qatt lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jitkellem fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista u jiġi rappurtat.

Il-Kummissjonu Elettorali spjegat li fit-3 ta’ Settembru ippubblikat l-iskeda għal din il-ġimgħa li kienet tinkludi li ż-żewġ kandidati jkollhom nofs siegħa kull wieħed fuq il-programm tar-radju NET FM is-Sibt filgħodu. Żiedet li l-kandidati kienu se jalternaw minn ġimgħa għall-oħra jiġifieri darba jibda wieħed u darba jibda l-ieħor.

Il-Kummissjoni spjegat li Adrian Delia għamel talba lill-Kummissjoni Elettorali li xtaq jitkellem bħala Kap tal-Oppożizzjoni fl-istess programm u għalhekk ipproponiet li l-intervent tiegħu jibda fil-10.45am minflok fil-11am. Il-Kap tal-Oppożizzjoni llum informa lill-Kummissjoni Elettorali li mhux se jieħu din il-kwarta u insista li jitkellem fil-11.30 bi dritt bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Kummissjoni Elettorali temmet li ma setgħetx taċċetta din il-pożizzjoni.

Waqt ix-xandira fuq Facebook, Delia qal li minflok juża’ l-organi uffiċjali tal-patit biex iwassal il-messaġġ tal-partit kellu jirrikorri għal mezzi soċjali. Huwa ddeskriva din l-ġurnata bħala waħda sewda għal PN, il-Partit li dejjem iġġieled għad-demokrazija fil-pajjiż u biex jagħti vuċi lil min m’għandux, issa qed iwaqqaf lil kap tiegħu milli jxandar il-messaġġ tiegħu.

“Lili ħadd mhu se isekittni u se nuża il-mezzi kollha biex inwassal il-veru leħen tal-Partit Nazzjonalista lin-nies,” stqarr Delia.

Matul id-diskors tiegħu Adrian Delia tkellem dwar dwar ix-xogħol li qiegħed isir mill-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-baġit 2021. Huwa qal li qiegħed jitħejja d-dokument ta’ qabel il-baġit. Delia qal li minkejja l-isfidi kollha l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex joffri l-ideat tiegħu qabel ma jitħabbar il-baġit mill-Gvern.

Delia qal li t-Times of Malta qiegħda tmexxi l-aġenda ta’ dawk li jridu jneħħuh minn Kap tal-Partit Nazzjonalista madankollu huwa mhux se jieqaf milli jkompli jwassal il-vuċi tan-nies. Delia spjega li meta jiltaqa man-nies kulħadd jgġidu li hawn wisq barranin fil-Gżejjer Maltin u dawn ma jifilħux għal dawn in-numri. Adrian Delia li qed jinħolqu ‘gethos’ kullimkien u se jasal żmien fejn il-Maltin ma jkunux jistgħu jidħlu f’dawn il-partitjiet.