Theddid minn Henley & Partners: Talbu lill-Gvern jieħu azzjoni

It-theddid ta’ azzjoni legali kontra l-midja Maltija minn Henley and Partners wassal lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jitlob lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex waqt l-istadju ta’ Kumitat dwar il-liġi li tolqot il-media jittieħdu miżuri kontra l-użu tal-miżuri magħrufa bħala SLAPP.
Il-President tal-Istitut, Norma Saliba, qalet dan ma' Newsbook.com.mt. Hija żiedet tgħid li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin huwa mħasseb serjament dwar dawn l-użu tal-miżuri msejjħa SLAPP kontra l-midja f’Malta u wera t-tħassib tiegħu f'diskussjonijiet li kellu kemm mal-Gvern kif ukoll mal-Oppożizzjoni.
Esperti legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ħafna ġurisdizzjonijiet iddikjaraw dawn it-tip ta’ kawżi bħala illegali peress li SLAPP issir biss biex thedded u taħli l-ħin tal-ġurnalisti u attivisti fis-soċjetà ċivili. 
L-aħħar attakk kontra l-libertà tal-istampa sar minn Henley and Partners, id-ditta li tbigħ il-passaporti Maltin taħt l-iskema magħrufa bħala Ċittadinanza b’Investiment, eżatt qabel il-Milied. The Shift News ippubblikaw ittra li rċivew mingħand Henley and Partners wara li dawn heddewhom li jekk mhux se jneħħu l-artiklu tagħhom li kien qed jirrapporta storja li dehret f’siti barra minn Malta se jkunu qed jieħdu passi fil-qrati fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti kontra The Shift. Il-ġurnalisti Maltin sfidaw lil Henley and Partners.
Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li rċeviet ittri mingħand Henley and Partners jhedduha li se tinfetaħ kawża fil-konfront tagħha bl-għan li jirrovinawha finanzjarjament.
L-editur tal-MaltaToday, Matthew Vella, f’post fuq Facebook f’Ottubru li għadda kien qal li Pilatus Bank kien heddidhom li jieħu passi kontrihom fl-Istati Uniti jekk ma jneħħux xi artiklu dwaru. L-avukati tal-ġurnal kienu rrakkomandaw li jneħħu l-artiklu mhux għax kienu żbaljati iżda minħabba li kawża fl-Istati Uniti tiswa ħafna flus li l-gazzetta ma tkunx tista’ tonfoq. Huwa saħaq li sfortunament dan ġara lill-ġurnali oħra u li hu infurmat li xi gazzetti oħra nneggozjaw xi forma ta’ ftehim b’retraction filwaqt li oħrajn neħħew l-artiklu. 
Min jiftaħ kawża SLAPP, li jista' jkun kemm individwu, korporazzjoni, gruppi jew politiċi ma għandu l-ebda intenzjoni li jirbaħ il-kawża. Anzi ħafna mid-drabi dawk li jiftħu l-kawża jispiċċaw jitilfu l-istess kawża filwaqt li drabi oħra ma jkunx hemm litigazzjoni sal-konklużjoni tal-każ. Min jiftaħ kawża ta’ din it-tip ħafna drabi jkun qed ifittex li jeħli l-ħin u r-riżorsi tal-persuna jew gruppi kontra min jiftaħha. Apparti minn hekk ikun qed jiskoraġġixxi lil nies oħra milli jagħmlu l-istess jew jieħdu azzjonijiet simili.