Ġurnalisti investigati għal kompliċità fis-serq ta’ dokumenti riservati

Iż-żewġ ġurnalisti li fl-aħħar jiem ħarġu żewġ kotba fl-Italja b’dokumenti mgħoddija lilhom mill-Vatikan, spiċċaw huma wkoll investigati wara li l-awtoritajiet sabu provi kontra tagħhom.
Il-ġurnalisti Gianluigi Nuzzi u Emiliano Fittipaldi qed jiġu investigati b’mod formali wara li nstabu provi li huma kienu kompliċi fir-reat ta’ tqassim pubbliku ta’ dokumenti riservati.
Ftit jiem ilu tħabbar li saċerdot u mara, li t-tnejn kienu jiffurmaw parti minn kummissjoni maħtura mill-Papa Franġisku għal riformi fil-qasam finanzjarju fil-Vatikan, kienu miżmuma mill-Pulizija Vatikana bl-akkuża li għaddew dokumenti riservati lil żewġ ġurnalisti li f’dawn il-jiem ħarġu żewġ kotba differenti.
Dak li qed jiġu akkużati li għamlu dawn iż-żewġ persuni, minn xi stampa internazzjonali ġie deskritt bħala skandlu għalkemm kixef ukoll ir-riformi li ried idaħħal il-Papa Franġisku.
Skont is-Sala Stampa tal-Vatikan, fl-aħħar jiem bdiet investigazzjoni wkoll fuq għadd ta’ persuni oħra, b’rabta mal-abbuż tal-uffiċċju tagħhom hekk kif jidher li seta’ kellhom sehem biex ħarġu fl-idejn dokumenti riservati.