Ġurnalisti bi protest kontra Muscat wara li sakkruhom f’Kastilja

Read in English.

Għadd ta’ ġurnalisti flimkien mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fetħu protest il-Qorti kontra l-Prim Ministru. Dan wara li persuni li ma identifikawx ruħhom żammewhom milli joħorġu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi stqarrija, l-IĠM qal li qed jipprotesta “bil-qawwa kollha” kontra dak li seħħ fil-Berġa ta’ Kastilja matul il-lejl li għadda “fejn numru ta’ ġurnalisti Maltin u barranin ma tħallewx joħorġu b’mod immedjat” wara l-konferenza tal-aħbarijiet li kien sejjaħ Muscat.

Skont rapporti fuq siti oħra, waqt li l-ġurnalisti ssakkru kontra r-rieda tagħhom f’Kastilja għadd ta’ persuni li kienu qed jipprotestaw fit-toroq qrib Kastilja ġew aggrediti.

Il-protest infetħet mill-ġurnalisti flimkien mal-IĠM kontra Joseph Muscat u kontra l-Avukat Ġenerali. Fosthom hemm żewġ persuni li jaħdmu ma’ Newsbook.com.mt.

Fil-protest ġudizzjarju ntqal li huwa ċar li l-ġurnalisti nżammu magħluqin biex ma jkunux jistgħu jistaqsu mistoqsijiet. Dan meta wħud minnhom kien ilhom hemm għal aktar minn 12-il siegħa jistennew.

Fil-protest intqal li dak li ġara huwa reat kriminali u li jmur kontra l-prinċipju tal-ħelsien tal-midja.

Il-ġurnalisti qed jitlobu lill-Qorti biex tordna lil Muscat jikkundanna dak li ġara fl-uffiċċju tiegħu u jirrikonoxxi li nkisru d-drittijiet fundamentali tal-ġurnalisti.

Il-protest ġie ffirmat mill-avukati Therese Comodini Cachia, Eve Borg Costanzi, Jason Azzopardi, u Peter Caruana Galizia.