Ruth Amaira dejjem irrifjutat li tipparteċipa fid-dibattitu – PBS

Aġġornat 10:11 PM

Read in English.

Il-ġurnalista Ruth Amaira qatt ma aċċettat li tipparteċipa fid-dibattitu bejn Bernard Grech u Adrian Delia li mistenni jsir fi ftit jiem. Dan tħabbar fi stqarrija mis-Servizz tax-Xandir Pubbliku (PBS) illejla wara li aktar kmieni, it-tim tal-kampanja elettorali ta’ Delia qalu li t-tim tal-kampanja elettorali ta’ Grech ipprova jinfluwenza ġurnalista li kienet se tmexxi d-dibattitu.

Bernard Grech u l-Kap kurrenti tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jikkontestaw sabiex xi ħadd minnhom ikun elett mit-tesserati biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista. L-elezzjoni mistennija ssir nhar it-3 ta’ Ottubru.

Il-PBS qal li b’referenza għal diversi stqarrijiet maħruġa llum b’rabta ma’ dibattitu organizzat mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, mhux minnu li l-ġurnalista Ruth Amaira kienet se tmexxi dan id-dibattitu. Qal li l-ġurnalista stess iddikjarat mal-PBS li hi qatt u bl-ebda mod ma kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha f’dan id-dibattitu, anzi baqgħet tirrifjuta li tipparteċipa minkejja li ġiet avviċinata biex tagħmel dan diversi drabi u minn persuni differenti.

Aktar kmieni…

Fl-istqarrija, it-tim li qed jgħin fil-kampanja elettorali ta’ Delia, qal li l-Kummissjoni Elettorali ħabbret li nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru se jsir l-ewwel dibattitu bejn iż-żewġ kandidati. Għal dan id-dibattitu kienet intgħażlet il-ġurnalista Ruth Amaira. L-istess ġurnalista jidher li infurmat lill-Kummissjoni Elettorali li kienet qed tirtira l-parteċipazzjoni tagħha minn dan id-dibattitu. Skont it-tim ta’ Delia, hi għamlet dan wara li “t-tim ta’ Dr Bernard Grech avvicina lil din il-ġurnalista sabiex jipprova jinfluwenzaha.”

“Gidba” – it-tim ta’ Grech

B’reazzjoni għall-allegazzjonijiet mit-tim ta’ Delia, it-tim ta’ Bernard Grech fi stqarrija insista li din hija gidba u mhux minnu li saret xi pressjoni fuq xi ġurnalist partikolari. It-tim qal li malli kien mgħarraf bid-dibattitu u l-isem tal-ġurnalista, għamlu kuntatt biex jitkellmu dwar il-format. Qal li l-ġurnalista mill-ewwel infurmathom li kienet diġà għarrfet lill-Kummissjoni Elettorali li mhux se taċċetta li tmexxi d-dibattitu.

“Hija gidba li kien hemm xi reżistenza minn naħa tat-Team ta’ Bernard Grech biex ma jsirx dibattitu bejn iż-żewġ kandidati fil-Kampanja tal-Elezzjoni għall-Kap. Inġibdet l-attenzjoni kemm-il darba biex  il-format li jintuża jassigura li ma ssirx aktar ħsara milli ġid  lill-partit kif ġara fil-passat meta saru dibattiti simili,” sostna t-tim.