Ġurnalista tirċievi ittra ta’ theddid id-dar – IĠM

Ġurnalista tal-ONE News irċeviet ittra ta’ theddid fid-dar privata tagħha skont l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM).

Fi stqarrija, l-IĠM ikkundanna l-inċident li dwaru sar rapport mal-Pulizija.

L-IĠM qal li l-ebda forma ta’ theddi u intimidazzjoni fuq ġurnalist ma jiġi ttollerat u għandu jiġi kkundannat bil-qawwa kollha.

Skont l-IĠM, l-irwol tal-ġurnalist huwa fundamentali f’demokrazija u huwa ta’ għajb li nies li b’dedikazzjoni u sagrifiċċji jwettqu xogħolhom b’servzz lejn il-pubbliku ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ atti kodardi bħal dawn.

“Dan il-każ isegwi sensiela ta’ inċidenti fl-aħħar jiem fejn ġurnalisti kienu mhedda, intimidati, imbuttati, u ssuttati, każi li fihom l-IĠM ħarġet tikkundanna bla ebda riżerva.”

L-IĠM sejjaħ lill-Pulizija biex toffri l-protezzjoni lill-ġurnalisti u jinvestiga l-każi kollha ta’ theddid li jsir fuqhom.

Reċentament, l-IĠM qal li jħoss li huwa insult għall-ġurnalisti li xi ħadd ħass il-bżonn li jagħmel is-sigurtà fuqhom biex ma jagħmlux xi ħaġa mhux proprja.

Din il-ġimgħa ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt ġiet ikkonfrontata minn impjegat ta’ membru tal-Kabinett, waqt li kienet qed tipprova ġġib il-kummenti għall-mistoqsijiet tagħha. Il-maniġment ta’ Newsbook.com.mt jikkundanna din il-konfrontazzjoni ta’ rabja, hekk kif il-ġurnalista kienet qed taqdi dmirha. Hija kienet qed tistaqsi lill-Membri Parlamentari malli bdew ħerġin mill-Parlament, li llum spiċċa siegħa u nofs qabel.