Ġurnalista tan-New York Times ‘tikkoreġi’ lill-President Vella

Aġġornat 08:06 PM

Il-ġurnalista tan-New York Times Matina Stevis-Gridneff ‘ikkoreġiet’ lill-President Malti George Vella dwar il-lingwaġġ li uża b’rabta ma’ dawk il-persuni li qed ifittxu l-ażil.

Il-President Vella llum żar l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), fejn intlaqa’ mid-Direttur Nina Gregori.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President intqal li Vella ddeskriva l-immigrazzjoni u l-ażil bħala “piż”. Vella tella’ ritratti tal-okkażjoni fuq Twitter fejn reġa’ semma’ l-kelma piż bl-Ingliż (burden).

Il-ġurnalista Matina Stevis-Gridneff rat il-kliem ta’ Vella u jidher li xejn ma kienet kuntenta bl-użu tal-kelma “piż.”

Stevis-Gridneff qalet li dawk il-persuni li l-President Malti ddeskriva bħala piż huma dawk li jatgħu l-frott, iservu l-kafè, inaddfu d-djar, u li jħarsu lill-anzjani. Il-ġurnalista kompliet tgħid li jekk dan il-“piż” jingħata l-opportunitajiet, il-“piż” isalva l-ħajjiet tat-tfal, jiddefendi lin-nies fil-qorti u jkun kapaċi joħloq invenzjoni ġdida.

Intqal li l-President esprima l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li sar mill-EASO, u qal li huwa fundamentali biex jiġi żgurat li l-każijiet individwali ta’ ażil jiġu trattati b’mod koerenti mill-istati membri kollha Ewropej.

Vella jħassar it-tweet

Aktar tard il-President ħassar it-tweet tiegħu.

It-tweet oriġinali flimkien mar-risposta tal-ġurnalista qed jiġu ppubblikati hawn taħt.

“Min jirrifjuta l-immigranti qed jiddikjara gwerra”. Hekk sostna l-Papa Franġisku fl-2015 f’laqgħa tal-Moviment Ewkaristiku taż-Żgħażagħ f’udjenza miegħu fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tat-twaqqif tiegħu.