Ġurnalista Ġermaniża titħalla titlaq mit-Turkija

Ġurnalista Ġermaniża Mesale Tolu Turkija
REUTERS/Osman Orsal

Il-ġurnalista Ġermaniża Mesale Tolu se tkun qed titħalla tivjaġġa barra mit-Turkija wara l-projbizzjoni li kellha fuq l-ivjaġġar ġiet sospiża. Tolu qed tiġi akkużata li hi involuta f’għaqda terroristika u se tkun qed titressaq quddiem il-Qorti fit-Turkija.

Hi ikkonfermat ir-rapporti li dehru fil-midja Ġermaniża permezz ta’ post fuq Twitter, fejn qalet li fl-aħħar se tkun qed titħalla tivjaġġa filwaqt li l-prosekuzzjoni kontriha se tkompli nhar is-16 ta’ Ottubru. Tolu kienet ġiet meħlusa mill-ħabs f’Diċembru li għadda wara tmien xhur ta’ detenzjoni.

Il-Ġermanja talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ numru ta’ ċittadini Ġermaniżi uħud minnhom ta’ dixxendenza Torka. Dan qed jitqies mill-Ġermanja bħala pass neċessarju biex b’hekk jitjiebu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ir-relazzjoni bejn il-Ġermanja u t-Turkija marret għall-agħar wara li l-Ġermanja kienet ikkundanat l-arresti li saru fl-isfond tal-kolp ta’ stat li falla fl-2016. It-Turkija kienet arrestat madwar 50,000 persuna filwaqt li 150,000 persuna tkeċċew minn xogħolhom li jinkludu għalliema, imħallfin u suldati.

Fi Frar li għadda t-Turkija ħelset lil Deniz Yucel, ġurnalist Ġermaniż-Tork.

Tmien ċittadini Ġermaniżi huma miżmuma taħt arrest fuq bażi politika fit-Turkija, bl-aħħar arrest sar il-ġimgħa li għaddiet.