Ġurnalist Taljan jirrapporta lil Gafà mal-Pulizija f’Malta

Il-ġurnalist Taljan Nello Scavo rrapporta lil Neville Gafà, l-eks impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minħabba theddida fuq Twitter f’Ġunju li għadda. Newsbook.com.mt segwa dawn il-kummenti fuq Twitter fejn anke talab lill-Pulizija x’passi se tieħu fil-konfront tal-kummenti ta’ Gafà li kien jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Kelliem tal-Pulizija spjega li peress li Scavo mhux ċittadin Malti, il-Korp dam sakemm stabbilixxa kuntatt mal-persuna biex dan seta’ jiġi mgħarraf bid-drittijiet tiegħu li seta’ jipproċedi bil-każ fil-ġurisdizzjoni Maltija.

Nello Scavo ilu jaħdem fuq stejjer marbutin mat-tbatija li jsofru l-immigranti fil-Mediterran f’isem il-midja Kattolika L’Avvenire, flimkien ma’ ġurnalisti internazzjonali oħra minn The Guardian u The New York Times fost l-oħrajn, inkluż Newsbook.com.mt.

Kif żvela Newsbook.com.mt, il-Kelliem tal-Pulizija kkonferma li l-każ qed jiġi investigat mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Bil-każ ġie mitkellem Neville Gafà fil-Kwartieri tal-Pulizija.

Il-ġurnalist Taljan jinvestiga pushbacks li jsiru fil-kampijiet ta’ konċentrament Libjani fuq immigranti mill-kontinent Afrikan. Fix-xogħol investigattiv tiegħu, Scavo żvela sistema li tikkastiga lill-umanità f’isem il-legalità.

Fit-tweġiba tiegħu għal tweet ta’ Scavo, Gafà qal: “Waqqfu n-negozju maħmuġ. Jekk le, aħna se nwaqqfukom.” Din it-tweet kienet indirizzata lil Scavo, lill-għaqda Alarm Phone u lil Rescue Med. Meta Scavo staqsa għal min qed jirreferi Gafà b’”aħna,” ma rċieva l-ebda tweġiba. It-tweet ta’ Gafà dehret stramba meta wieħed iqis li ftit jiem qabel, huwa ċanfar lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo talli faħħar lill-Gvern Libjan.

Anke l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin talab lill-Korp tal-Pulizija biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ theddid li għamel Gafà fil-konfront tal-ġurnalist investigattiv Taljan Nello Scavo.