Ġurnalist Taljan jirbaħ unur għal xogħlu; jiddedikah lil Daphne

Il-ġurnalist Taljan Paolo Borrometi ddedika l-Premju Peter Mackler għall-ġurnaliżmu Kuraġġjuż u Etiku li għadu kemm rebaħ lill-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia fost oħrajn.

Għal dawn l-aħħar snin Borrometi ngħata skorta minħabba t-theddid li rċieva fuq ħajtu. Il-mafja fi Sqallija kienet ikkomplottat biex toqtol lil Borrometi minħabba r-rappurtaġġ u l-istejjer tiegħu dwar l-attivitajiet tagħhom. Borrometi li huwa Sqalli kellu jitlaq minn Sqallija fl-2015.

Il-Premju Peter Mackler jingħata lill-ġurnalisti u edituri li mix-xogħol tagħhom joħroġ ċar l-impenn biex l-istorja tkun ġusta u li jkunu impenjati jiddefendu d-dritt biex l-istorja tixxandar u tiġi ppubblikata.

Il-Premju huwa msemmi wara Peter Mackler ħadem 29 sena mal-Agence France-Presse fejn serva f’diversi rwoli.

Borrometi se jirċievi l-premju waqt ċerimonja li se ssir fil-25 ta’ Settembru fi Craig Newmark Graduate School of Journalism.

Ix-xogħol tiegħu dwar il-mafja fl-Italja wassal biex Borrometi jispiċċa fil-mira tagħhom. Minbarra t-theddid huwa kien ukoll aggredit minħabba xogħolu. Minkejja dan kollu, Borrometi jkompli jirrapporta fuq il-kriminalità organizzata fl-Italja. Huwa bħalissa jmexxi l-għaqda għal-libertà tal-espressjoni, Articolo 21.

Fi stqarrija Borrometi qal li huwa jiddedika dan il-premju lil “Daphne Caruana Galizia li ma titnesa’ qatt”. Semma wkoll lil Antonio Megalizzi, ġurnalist Taljan li nqatel waqt attakk fi Strassburgu f’Diċembru li għadda.