Ġurnalist Taljan jintbagħat Malta biex jinvestiga l-bejgħ tal-passaporti

Il-ġurnalist Lorenzo Bagnoli mill-Proġett tal-Ġurnaliżmu Investigattiv fl-Italja intbagħat lejn Malta biex jinvestiga l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Il-Proġett tar-Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) ħarġet numru ta’ artikli dwar il-kwistjoni tal-hekk imsejħa Visas tad-Deheb (Golden Visas) fl-Ewropa. Dawn l-istejjer saru mill-Konsorzju Globali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, Transparency International, u Global Witness.
Huwa kiteb kif il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat kien entużjast meta kien qed jindirizza laqgħa tal-kumpanija Henley & Partners f’Londra fil-31 ta’ Ottubru tal-2013. Qal li tliet xhur wara, Malta kienet qed tbigħ il-Visas tad-Deheb.
Intqal li ‘Visas tad-Deheb’ huwa terminu tal-industrija għall-programmi ta’ ċittadinanza b’investiment li bihom barranin sinjuri jistgħu jixtru residenza legali jew saħansitra ċittadinanza f’pajjiżi ġodda. Dawn l-iskemi bdew fil-Karibew 30 sena ilu u fl-aħħar għaxar snin saru aktar popolari. Intqal li aktar minn 20 pajjiż joffru xi skema ta’ ċittadinanza b’investiment.
L-artiklu fakkar kif l-iskema ta’ Malta kienet sorpriża għal pajjiż. Muscat ma kienx inkluda dan il-programm fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-2013.
Skont Bagnoli, dawn il-programmi ġew ikkritikati peress li jaħmluha faċli ħafna għall-kapi tal-kriminalità, nies li jevadu t-taxxa, u għan-nies li mhix faċli jispjegaw minn ġabu flushom biex isiru parti minn programm li jista’ jintuża’ minn nies bi skopijiet leġittimi. Żied jgħid li għal uħud, mhuwiex ġust li wieħed jakkwista ċ-ċittadinanza skont kemm ikollu flus.
Bagnoli kiteb li  tliet Russi sinjuruni – Arkady Volozh, Boris Mints, u Alexander Nesis – issemmew fl-hekk imsejjaħ Kremlin List li kien ippublikat mill-White House. Din hi lista li tidentifika negozjanti Russi li aktarx huma qrib il-President Russu Vladimir Putin. Dawn it-tlieta xtraw passaport Malti.
Ir-rapport qal li Malta daħħlet aktar minn €850 miljun mill-iskema. Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-programm għen lill-baġit ta’ Malta biex jimxi minn defiċit għal surplus.
Bagnoli kompla jgħid li l-“programm sigriet” ta’ Malta rċieva kritika qawwija kemm mill-Maltin u kif ukoll mill-Unjoni Ewropea. Qal li għalkemm din il-kritika wasslet biex isir xi tibdil, bħal l-ippubblikar tal-lista taċ-ċittadini ġodda. Madanakollu, din il-lista ma turix speċifikament min xtara ċ-ċittadinanza iżda turi min sar ċittadin Malti.
Il-Partit Nazzjonalista kien saħaq li dawk li jixtru passaport ma jkollhomx konnessjoni veru ma’ Malta u qed ifittxu biss taxxi baxxi u vjaġġar lejn l-Ewropa mingħajr il-bżonn ta’ visa.
Ir-rapport semma wkoll kif l-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) kienet irrimarkat li l-bejgħ taċ-ċittadinanza kellu element ta’ riskju. Madanakollu, skont l-aġenzija hi rċeviet ftit rapporti biss dwar tranżazzjonijiet suspettużi.
Bagnoli fakkar kif il-kuntratt tal-iskema tal-Visas tad-Deheb kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney  u r-rappreżentant ta’ Henley and Partners Hugh Morshead f’Settembru tal-2013. Il-kuntratt ġie ppubblikat fl-2015. Id-dettalji finanzjarji jew id-dewmien tal-kuntratt ma ġewx żvelati.
Ir-rapport isemmi wkoll kif uffiċjali tal-Gvern qalu li 90% tal-ispiża tal-applikazzjoni tinqasam bejn il-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) u l-fond konsolidat tal-Gvern. L-10% li jifdal jinqasmu bejn Identity Malta u Henley and Partners.
Skont ir-rapport, peress li dawk li jixtru ċ-ċittadinanza jridu jixtru jew jikru propjetà f’Malta, il-kera medja żdiedet b’47% tul l-aħħar erba’ snin.
Ir-rapport fakkar ukoll li l-Gvern kien fetaħ konsultazzjoni pubblika dwar l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment. Għalkemm il-konsultazzjoni pubblika għalqet fit-28 ta’ Frar, ir-riżultati għadhom ma ġewx ippubblikati.
Bagnoli kkwota lill-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Michael Briguglio jgħid li mingħajr il-bejgħ tal-passaporti, Malta m’għandhiex surplus finanzjarju.
Intqal li f’Tas-Sliema appartamenti lussużi jinsabu għall-bejgħ. Dawn huma mmirati lejn sinjuruni barranin u mhux Maltin li jkunu twieldu u trabbew fil-pajjiż. In-numru ta’ Russi li marru joqgħodu f’Tas-Sliema wara li beda l-programm tal-Visas tad-Deheb żdied, però ħadd ma jaf eżatt b’kemm.
Ir-rapport juri wkoll li l-iskema tal-Visas tad-Deheb mhix popolari biss mar-Russi imma anke min-nies mill-Arabja Sawdija. Fakkar kif Waleed al-Ibrahim kien xtara ċittadinanza Maltija fl-2016 u li ġie arrestat f’pajjiż minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Huwa nħeles f’Jannar, aktarx wara li laħaq ftehim u ħallas.
Nuqqas ta’ trasparenza – Zammit Dimech
F’reazzjoni għal dawk ir-rapporti, il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal li n-nuqqas ta’ trasparenza u l-kontabbiltà tal-Gvern Laburista dwar il-bejgħ tal-passaporti qed jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, speċjalment minħabba l-evidenza tal-ħasil tal-flus u l-prattiċi korrotti b’rabta ma’ din l-iskema.
Staqsa għalfejn il-Gvern qed ikompli jaħbi min xtara ċ-ċittadinanza. Huwa appella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni.