Ġurnalist Taljan imut fi splużjoni f’Gaża

Il-ġurnalist Taljan Simone Camilli ta’ 35 sena kien l-ewwel ġurnalist barrani li nqatel fl-aħħar kunflitti fil-Medda ta’ Gaza. 
Hu kien ilu jaħdem mal-Associated Press mill-2005 u kien ta’ spiss jirrapporta u jieħu ritratti u filmati ta’ dak li jkun qed jiġri f’Gaża. Ftit ġimgħat ilu, l-appartament tiegħu fil-belt ta’ Gaża ġġarraff waqt l-attakki, iżda xorta baqa’ ddedikat għal xogħlu. 
Rapporti qed jgħidu li l-ġurnalist kien f’Beit Lahiya għal ħabta tal-10 ta’ dalgħodu. Hu kien akkumpanjat minn traduttur Palestinjan li għandu 38 sena u li miegħu kien se jaħdem fuq storja partikolari. 
Tliet kwarti wara li ltaqgħu seħħet l-isplużjoni li ħalliet lit-Taljan mejjet u lill-Palestinjan bi ġrieħi gravi.