Theddid Daphne: Sant jistaqsi kif imejl spiċċat għand ġurnalist; Casa jgħid li ilha onlajn

Fil-programm Xarabank tal-lbieraħ filgħaxija, l-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant staqsa kif imejl b'theddid għal Daphne Caruana Galizia spiċċat għand ġurnalist Olandiż iżda aktar kmieni dalgħodu, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa qal li din l-email kienet ġiet ippubblikata fuq il-blog tagħha.
Skont Sant din l-imejl kienet intbagħet lil Daphne Caruana Galizia wara l-2015 filwaqt li dik mibgħuta fi stqarrija minn Casa tmur lura għas-sena 2012.
Sant spjega li din l-email kienet dwar l-investiment ta’ Crane Currency f’Malta u qal li din żgur ma kinitx fil-laptop ta’ Caruana Galizia li fi kliemu hemm depożitat fil-qorti.
Min-naħa tiegħu, Casa qal li kwalunkwe persuna b’apparat imqabbad mal-internet seta’ jaqrah billi jidħol fuq il-blog tal-ġurnalista assassinata.
Casa tkellem ukoll dwar it-traiffi tad-dawl u l-ilma u qal li l-pajjiż qed iħallas iktar għad-dawl biex il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri jkunu jistgħu idaħħlu t-taxxi tal-poplu f’buthom. Sostna li qed ikun il-poplu Malti stess li qed iħallas għall-korruzzjoni.
Fil-programm, Alfred Sant akkuża lil dik li sejjaħ bħala “il-klikka ta’ Simon Busuttil” li fi kliemu qed thedded l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ Malta għax qed ipinġu lil Malta bħala stat mafjuż, gvern korrott u bla rispett lejn il-ħarsien tal-liġi. Alfred Sant allega lil din l-istess klikka qed qed titma’ lil ġurnalisti barranin informazzjoni li tpoġġi lill-Maltin u l-Għawdxin f’dawl ikrah.  
L-ewroparlamentari Laburista sostna li dan huwa “komportament anti-patrijottiku” u perikoluż għar-reputazzjoni ta’ Malta, fosthom għall-oqsma tal-gaming u dak finanzjarju.
"Allura skont Alfred Sant, jiena nikkontrolla l-midja internazzjonali" – Busuttil
Intant b’risposta għal dan, fuq Twitter id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal qal li għal Alfred Sant, huwa għandu kontroll fuq il-midja internazzjonali bħalma hija New York Times, ir-Reuters, The Guardian, La Repubblica, FranceTV u oħrajn.
Qal li dan kollu jagħmel sens daqs kemm kienu jagħmlu sens l-argumenti ta’ Sant meta kien qal lil Malta biex tibqa’ barra mill-Unjoni Ewropea.