​Ġurnalist assassinat “minħabba xogħlu” fis-Slovakkja

Ġurnalist Slovakk li nqatel flimkien mat-tfajla tiegħu, probabbilment inqatel minħabba x-xogħol investigattiv tiegħu.
Huma nstabu mejta fid-dar tiegħu, mal-65 kilometru ‘l barra mill-kapitali Bratislava.
Jan Kuciak ta’ 27 sena, kien jaħdem mal-Aktuality.sk fuq każi ta’ frodi, li ħafna drabi kienu jinvolvi negozjanti b’rabtiet mal-partit fil-Gvern u politiċi oħra.
Il-pubblikatur ta’ Aktuality Axel Springer ikkundanna dak li sejjaħ “assassinju krudili” fuq il-ġurnalist. Il-mexxejja Slovakki wegħdu li se jagħmlu ġustizzja ma’ min wettaq l-assassinju. 
Fost ir-reazzjonijiet għall-assassinju ta' dan il-ġurnalist, għamel tweet il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, li saħaq li l-Unjoni Ewropea ma tistax taċċetta li ġurnalist jinqatel minħabba xogħlu. Appella lill-awtoritajiet Slovakki biex iniedu investigazzjoni rigoruża, jekk ikun hemm bżonn anke b'appoġġ internazzjonali. 
"Il-Parlament Ewropew mhux se joqgħod kwiet sakemm issir ġustizzja, bħal fil-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia", żied jgħid Tajani.