Ġurnal Taljan jagħżel lil Daphne bħala l-persuna tas-sena

Il-gazzetta Taljana La Repubblica għażlet lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bħala l-persuna tas-sena. 
Dan tħabbar f’editorjal ta’ Roberto Saviano fuq il-faċċata tal-istess gazzetta. 
Saviano huwa ġurnalist Taljan, magħruf għall-kitbiet tiegħu fuq il-mafja fl-Italja, bil-kotba Gomorrah u ZeroZeroZero huma fost l-iktar kotba mibjugħa tiegħu. 
Fl-editorjal, Saviano qal li Caruana Galizia ‘dejqet’ lil kulħadd, u li l-investigazzjonijiet tagħha ma kinux biss dwar persuna waħda iżda dwar sistema sħiħa. 
Żied jgħid li hu ra lil Malta tinbidel f’dak li sejjaħ ċentru internazzjonali ta’ ħasil tal-flus. Qal li minħabba Brexit, diversi kumpaniji fir-Renju Unit qed jimirħu lejn xtut oħra filwaqt li jżommu r-relazzjonijiet tajba mal-klijenti li jinsabu f’pajjiżi oħra Ewropej. 
Fi kliemu, Malta hi post ideali għal dawn il-kumpanji, għax qal li minbarra li hi tax haven hi wkoll parti mill-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth. Qal ukoll li Malta għandha relazzjonijiet ekonomiċi privileġġati mat-tnejn. 
Saviano jisħaq li Caruana Galizia kienet qed tinvestiga u takkuża nies fit-tmexxija tal-Gvern u li għandhom jew kellhom kumpaniji sigrieti jew kontijiet offshore. Fisser kif hi kienet qed titfa’ dawl internazzjonali fuq il-korruzzjoni f’Malta. Jemmen li minħabba dak li kixfet il-ġurnalista Maltija, sar iktar diffiċli biex il-flus jiġu trasferiti.
“Daphne Caruana Galizia kienet tistaqsi minn fejn ġew il-flus u ta’ min huma, hekk kif kienet taf sew li jservu biex jinħbew il-flus ġejjin mit-traffikar tad-droga, mill-evażjoni tat-taxxi u mill-korruzzjoni”, kompla jgħid. 
Sostna li permezz tal-qawwa tal-kelma tagħha kienet kapaċi twassal lill-Gvern biex isejjaħ elezzjoni bikrija.  Hawnhekk Saviano jqabbel lill-ġurnalista man-ninfa tal-leġġenda li tant ħabbet il-libertà, li nbidlet fi pjanta biex tiddefendi ruħha. 
Saviano jagħmel referenza għall-aħħar kliem ta’ Daphne u jgħid li filwaqt li l-qattiela ċċelebraw bi flixkun inbid, eluf niżlu fit-toroq f’isimha, bl-għajta li issa l-vuċi tagħha hi aktar b’saħħitha minn qatt qabel.