Aġġornata: Ġurnal lokali jirrapporta tibdil fil-Gvern. Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern jiċħad

Il-ġurnal il-Mument jirrapporta li fil-futur qarib il-Kabinett tal-Gvern mistenni jesperjenza ir-riżenja tal-Ministru Louis Grech u ser jitbiddel id-dekasteru tal-Ministru Manuel Mallia. Intant il-kap tal-komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia fuq Twitter stqarr li dan m’huwiex minnu.

Il-Mument ikompli jirrapporta li l-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jaħtar lill-Ministru Manuel Mallia bħala deputat Prim Ministru mar-riżenja tal-Ministru Louis Grech bis-sorsi tal-ġurnal jgħidu li din ir-reżenja ser isseħħ minħabba raġunijiet personali. Din ser tkun it-tieni bidla fil-Kabinett tal-Ministri f’inqas minn sena mid-data li l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern.

Sorsi qrib il-ġurnal isostnu li dan it-tibdil ser iseħħ fi ftit xhur oħra qabel tmiem din is-sena. Id-Deputat Laburista Michael Falzon mistenni jinħatar Ministru responsabbli mill-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.