Ġuri tal-Bulgaru: “Ix-xhieda mhix konsistenti”

Issokta l-ġuri tal-Bulgaru ta’ 29 sena li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Serb fl-2014 f’appartament f’Buġibba.
Fil-ġuri l-avukat tad-difiża attakka l-kredibilità ta’ xhud ewlieni wara li dan ix-xhud kien qal hu stess li kien fis-sakra meta seħħ il-qtil.
Tenna li barra li kien fis-sakra fil-ħin tad-delitt, ix-xhud ma kienx għadu ġie f’tiegħu meta kien interrogat mill-Pulizija.
L-avukat staqsa jekk kif qal dan ix-xhud, li l-ħames persuni kienu telgħu fl-appartament, kif seta’ l-akkuzat jiftaħ il-bieb minn ġewwa.
Tenna li x-xhieda mhux konsistenti, meta l-ewwel ix-xhud qal li kienu fis-sakra u wara qal li ma kinux kompletament fis-sakra.
Qal li x-xhieda  tikkuntrasta ma’ dak li qal il-Bulgaru, li kien ċar mill-ewwel dwar dak li seħħ.
L-avukat reġa’ spjega l-inċident mix-xhieda preżenti u qal li kienu refgħu lil Atanasov mill-art u bdew jagħtuh bil-ponn.
Qal li l-irġiel li kienu fl-appartament tant kienu xurbana li ma kinux jafu x’qed jagħmlu u mhux talli sawtuh imma kaxkruh ’il barra.
Insista li l-klijent tiegħu kien qed jaġixxi biex jipproteġi lilu.
Ilbieraħ il-Bulgaru Emil Atasanov  baqa’ jiċħad li ried joqtlu u nsista li kulma ried kien li joqgħod fil-kwiet għax l-għada kien xogħol.