Ġuri Etienne Bartolo: Il-vittma miet kawża tad-demm li tilef

It-Tnejn, kompla l-ġuri ta’ Etienne Bartolo magħruf bħala l-Vojt ta’ 39 sena. Huwa qed ikun akkużat li qatel lil Roderick Grech fl-2017. Skont l-espert forensiku, Grech miet wara li tilef ammont kbir ta’ demm mill-ġerħa li kellu f’sidru.

Illum xehdu l-espert mediku-legali Mario Scerri, il-Professur Safraz Ali, il-Professur Maria Therese Camilleri Podesta, l-esperta tad-DNA Dr Marisa Cassar u x-xjentist forensiku Roderick Sammut.

Fix-xhieda tiegħu Mario Scerri wera ritratti li ttieħdu sabiex ikun dokumentat ġisem il-vittma. Huwa spjega li b’kollox Grech kellu sitt daqqiet ta’ sikkina li jinkludi dahru, għonqu, sidru, idejh u siequ. Żied li l-kawża tal-mewt kienet l-ammont ta’ demm li tilef il-vittma. Huwa spjega li l-akkużat kellu girfa u jista’ jkun li kien hemm argument bejn l-akkużat u l-vittma u dan irriżulta mill-tbajja’ tad-demm kif ukoll mill-feriti.

Il-Professuri Safraz Ali u  Maria Therese Camilleri Podesta huma l-persuni li għamlu l-awtopsja fuq il-katavru. Huma ppreżentaw ir-rapport tagħhom fil-Qorti u fix-xhieda tagħhom qalu li l-vittma miet kawża tal-ammont ta’ demm li tilef mill-ferita li kellu f’sidru. Żiedu li meta persuna titlef ammont ta’ demm, il-pressjoni titbaxxa u għalhekk tikkawża mewt. Il-Professur Camilleri Podesta qalet l-vittma kellu tliet feriti ħdejn xulxin u dawn ikkawżaw il-mewt ta’ Grech.

Dr Marisa Cassar qalet li d-demm li nstab fuq is-sit tal-karozza jaqbel ma’ dak tal-vittma. Żiedet li d-DNA tal-akkużat ma nstabx fil-karozza. Ix-xjentist forensiku qal li ġiet eżaminata sustanza bajda li kienet fil-karozza u r-riżulta li hija droga kokaina.

II-ġuri jkompli t-Tlieta.