Ġuri dwar stupru; jinstema’ fil-magħluq

Hekk kif illum beda l-ġuri taż-żewġt irġiel li qed jiġu akkużati li stupraw turista Taljana fl-2016, ġie deċiż li dan jinstema’ bil-bibien magħluqa.

Emmanuel Ngumezi min-Niġeria u Seydon Bandango mill-Burkina Faso qed jiġu akkużati li ħatfu lit-tfajla mill-bajja ta’ San Ġorġ, daħluha f’karozza u saqu lejn Pembroke fejn allegatament seħħ l-istupru.  Huma qed jiġu akkużati bi stupru kif ukoll li żammew persuna kontra l-volontà tagħha.

Skont rapporti meta ġara l-każ, il-Pulizija marru fuq il-post wara li sar rapport u sabu tfajla titlob għall-għajnuna b’raġel għarwien minn qaddu ‘l isfel f’karozza, kif ukoll raġel ieħor barra li ħarab u nqabad aktar tard.

L-avukati Anne Marie Cutajar u Nadia Attard qed jidhru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Charmaine Cherrett u Simon Micallef Stafrace qed jidhru f’isem l-akkużat. Filwaqt li l-avukat Arthur Azzopari qed jidher għall-parte civile. L-Imħallef Giovanni Grixti qed imexxi dan il-ġuri.