Ġuri dwar serqa li saret minn bank fl-1996

Quddiem il-Qorti beda l-ġuri ta’ raġel ta’ 49 sena mill-Marsa li jinsab mixli li fl-1996 pprova joqtol żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Huwa jinsab mixli fost l-oħrajn li pprova jisraq Lm 100,000 mill-Bank, li seraq vann u li kellu pistola.
Il-każ seħħ fis-27 ta’ Marzu tal-1996 u l-vann li ntuża waqt dan il-hold-up kien insteraq minn Raħal Ġdid u kellu pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqa minn vettura oħra.
Mill-vann, li allegatament instaq mir-raġel, ħarġu tliett irġiel armati, b’wieħed minnhom laqat uffiċjal tal-Pulizija bil-pistola.
Wara li nġibdet l-attenzjoni, fuq il-post waslu żewġ uffiċjali tal-Pulizija mill-iskwadra mobbli li kienu fil-qrib.
Malli waslu l-Pulizija, l-ħallelin ħarġu mill-fergħa tal-bank bil-flus u ġew sparati xi tiri fejn intlaqat wieħed mill-ħallelin, li ħarbu bil-vann u s-serqa ġiet sfrattata.
Fil-ġuri se jixhed Joseph Polidano, li ngħata s-sentenza ta’ 10 snin priġunerija.
Ħalliel ieħor, Carmel Spiteri ukoll ingħata s-sentenza ta’ 10 snin priġunerija wara li kien ammetta l-akkużi.