Ġunju jikkonferma x-xejra ta’ żieda fit-turiżmu

It-turisti f’Ġunju żdiedu b’4.5% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
L-NSO qal li minn kważi 188,000 turist li waslu f’Malta f’Ġunju, 158,000 kienu għal btala waqt li 13,400 kienu għal xogħol.
It-turisti minn pajjiżi oħra fl-UE żdiedu bi kważi 8% waqt li żdiedu wkoll l-iljieli li qattgħu t-turisti f’Malta, b’0.4%, u l-flus li ħallew fil-pajjiż.
Hu stmat li b’kollox, it-turisti f’Ġunju ħallew €165.2 miljun f’Malta, li tfisser żieda ta’ 2.8% fuq l-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
L-NSO ppubblika wkoll ċifri għall-ewwel sitt xhur tas-sena li juru li, b’mod globali, it-turisti żdiedu b’5.3%, l-iljieli bi 3.2% u n-nefqa tat-turisti b’6%.
Ras għal ras, dan fisser li kull turist nefaq €819, jew 0.5% iktar milli fl-ewwel sitt xhur tal-2014.