Ġunju iktar sħun u xemxi mis-soltu

Ġunju ta’ din is-sena kien iktar sħun u xemxi mis-soltu. It-temperatura medja matul dan ix-xahar kienet ta’ 24.3°C. Dan ifisser 0.4°C aktar min-normal.
L-ogħla temperature ġiet irreġistrata fit-12 ta’ Ġunju. Dakinhar it-temperatura telgħet għal kważi 33°C. L-inqas temperatura ġiet irreġistrata fl-ewwel ħamest ijiem tax-xahar, meta l-inqas temperatura kienet ta’ 16.4°C. 
F’Ġunju, il-gżejjer Maltin esperjenzaw kważi 340 siegħa ta’ xemx tiżreġ. Dan jimmarka żieda ta’ 0.3 sigħat aktar mis-soltu.
L-aktar jiem li fiha kien hemm xemx kienu bejn id-19 u l-21 ta’ Ġunju. F’dawn il-jiem kien hemm total ta’ 13-il siegħa xemx kuljum.
Is-17 ta’ Ġunju kienet waħda mill-aktar ġranet imdallma. Dakinhar, kien hem biss madwar siegħa ta’ xemx tiżreġ. Il-bqija, matul ix-xahar ta’ Ġunju, il-Gżejjer Maltin gawdew minn kważi 12-il siegħa xemx kuljum.
It-temperatura medja tal-baħar kienet ta’ 22°C, 0.5°C iktar sħun mis-soltu. Kien hemm tnaqqis ta’ 6% fl-umdita’, bil-medja tkun ta’ 62%.
F’dan ix-xahar niżlet mat-2.2 millimetri ta’ xita,  4 milimetri inqas mill-medja ta’ Ġunju.
L-iktar Ġunju sħun kien dak tal-2003 meta t-temperatura medja kienet ta’ 26°C. L-ogħla temperatura kienet irreġistrata fit-13 ta’ Ġunju 1997. Dakinhar it-temperatura kienet telgħet għal 40°C.