Gulia jrid jgħaddi minn skrutinju biex jerġa’ jkun Chairman tal-MTA – PN

Photo: Facebook

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Gavin Gulia jrid ikun nominat għall-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi biex jerġa’ jinħatar Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u ma jistax jaħtru l-Ministru għat-Turiżmu “minn wara dahar il-Parlament u bi ksur tal-liġi.”

Dan wara li lbieraħ, Dr Gulia rriżenja mill-Parlament ftit wara li ħa l-ġurament għax qal li l-Prim Ministru Robert Abela talbu jibqa’ Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’dan iż-żmien diffiċli għas-settur. Gulia, iżda, kien diġà ssottometta r-riżenja tiegħu minn Chairman billi skont il-liġi, huwa ma setax ikun deputat parlamentari jekk kien għadu f’din il-kariga.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu mid-Deputati Karol Aquilina, Carmelo Mifsud Bonnici u Clyde Puli, kollha membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, huma fakkru lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo li jekk beħsiebu jerġa’ jinnomina lil Dr Gavin Gulia bħala Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu, huwa obbligat bil-liġi li jissottometti n-nomina tiegħu għall-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

“Abela jrid biss lil min jilagħqu” – Repubblika

Intant, l-għaqda Repubblika kkundannat dak li sejħet “il-manuvrar arroganti u ċiniku tal-Prim Ministru Robert Abela biex idaħħal in-nies tiegħu fil-Parlament.”

Hi nnutat li f’sena waħda, huwa se jkun irnexxielu jdaħħal tliet persuni li għażel hu fil-Parlament mingħajr ma dawn ġabu vot wieħed fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Dan qalitu b’referenza wkoll għad-Deputati Miriam Dalli u Clyde Caruana li ntgħażlu fil-Parlament b’koptjar. “Agħar minn hekk,” ikkummentat Repubblika, “jidher li Robert Abela għamel dan kollu biex jaqla’ barra lill-persuna li kienet se tkunu magħżula demokratikament.”

L-għaqda rreferiet ukoll għall-allegata tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech mit-tim li jaħdem kontra l-pandemija, wara li dan il-konsulent irrakkomanda li l-iskejjel ma jiftħux il-Ħamis li għadda. Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne t-tnejn ċaħdu li Dr Grech ingħata trasferiment minħabba din ir-rakkomandazzjoni tiegħu. Skont Repubblika, dan l-aġir juri li “Robert Abela jrid biss lil min jilagħqu. Ma jridx jisma’ fehmiet differenti minn tiegħu. Din l-attitudni hi riflessa wkoll fl-isforz li għamel biex jagħlaq qabel żmienha l-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.”

Repubblika fakkret lill-PM li l-Parlament u d-demokrazija mhumiex propjetà privata tiegħu. Skontha, dan l-episodju jkompli juri kemm il-Parlament jeħtieġ riforma biex jaqdi l-irwol veru tiegħu ta’ għassies tal-Gvern.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn