“Ġuħ kbir għall-etika fid-dinja tas-servizzi finanzjarji”

“Hawn ġuħ kbir għall-etika fid-dinja tas-servizzi finanzjarji.” Qal dan Domingo Sugranyes Bickel, President tal-Fondazione Centesimus Annus Pro Pontefice. Din hija fondazzjoni internazzjonali li kienet twaqqfet mill-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni biex il-Knisja tippromwovi dimensjoni etika fid-dinja tas-servizzi finanzjarji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta, Domingo Sugranyes Bickel saħaq dwar l-importanza li l-Knisja twassal it-tagħlim soċjali tagħha fost mexxejja ta’ kumpaniji finanzjarji u kummerċjali biex jippromwovu fil-prattika l-valuri tal-inklużjoni u s-solidarjetà.
Bickel spjega li parti mill-missjoni ta’ din il-Fondazzjoni hija dik biex tħeġġeġ solidarjetà anka bejn reliġjonijiet differenti.
Tkellem ukoll Joseph FX Zahra li huwa l-koordinatur ta’ Malta għal din il-Fondazzjoni, fejn qal li Malta tat sehem importanti fit-tfassil ta’ proposti finanzjarji. Fost dawn Zahra semma proposta li ressqet Malta dwar it-twaqqif ta’ fond volontarju ta’ solidarjetà.
Qal li għalissa dan il-fond għadu fi stadju ta’ kunċett iżda jrid li ‘l quddiem dan ikun fond li jgħin lil individwi żvantaġġjati li huma marbuta mal-intraprenditorjat. Sostna li dan huwa mod prattiku kif din il-fondazzjoni tista’ tagħti għajnuna konkreta lil persuni fil-bżonn.
Spjega li għad fadal ħafna x’isir biex il-kumpaniji finanzjarji jdaħħlu kultura interna ta’ kunċetti etiċi. Qal li propju għalhekk din l-idea ta’ fond volontarju ta’ solidarjetà se tkun mod ieħor ta’ kif it-tagħlim soċjali tal-Knisja jkun jista’ jinbidel fi proposta konkreta li tgħin lil ħaddieħor.
Preżenti wkoll kien hemm il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Josef Bonnici li qal li  aktar dettalji dwar dan il-fond se jitħabbru f’Mejju li ġej fil-Konferenza Internazjonali li se ssir fil-Vatikan. Staqsa jekk meta intrapriża tingħata xi tip ta’ self bankarju, hijiex qed twassal verament għall-valur miżjud fl-ekonomija u jekk dan is-self huwiex sostenibbli fuq medda ta’ snin.
Il-Fondazione Centesimus Annus Pro Pontefice kienet twaqqfet fl-1993 u hja bbażata fil-Vatikan. Għandha membri f’20 pajjiż madwar id-dinja fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Brażil, l-Italja u Malta.