Guedes jingħaqad ma’ Valencia fuq bażi permanenti

Paris Saint Germain aċċettaw offerta ta’ £36m mingħand Valencia għall-plejer Portugiż Goncalo Guedes. Il-plejer ta’ 21 sena ġie misluf lill-klabb Spanjol għall-istaġun 2017-18 fejn skurja 6 gowls fi 38 logħba.

Guedes telaq lil Benfica fl-2017 wara li laħaq ftehim ma’ PSG iżda lagħab 13-il darba biss għat-tim ta’ Ligue 1. Hu kien ukoll parti mit-tim nazzjonali Portugiż li ħa sehem fit-Tazza tad-Dinja u kien titolari fi tlieta mill-erba’ logħbiet li pajjiżu lagħab ġewwa r-Russja. Guedes huwa l-għaxar akkwist ta’ Valencia matul dan is-sajf hekk kif il-klabb ta’ La Liga jfittex li jkompli jitjieb wara li spiċċa fir-raba’ post fi tmiem l-istaġun li għadda.