Ġudizzju ġust iħalli fl-Imħallef sens ta’ serenità – L-Arċisqof

Miguela Xuereb

Meta Imħallef jagħmel ġudizzju ġust, dan iħalli fih sens ta’ serenità. Dan qalu l-Arċisqof Charles Scicluna hu u jiċċelebra Quddiesa fil-ftuħ tas-Sena Forensi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Irrimarka li l-ġudizzju tal-Imħallef u d-deċiżjoni tal-Maġistrat trid tiġi mill-kuxjenza, ekwilibriju u kuraġġ. Qal li d-deċiżjoni ġġibilhom paċi f’qalbhom u insista li jekk hemm xi ħaġa li tittormentahom, mela dawn m’għandhomx il-paċi neċessarja biex jagħtu ġudizzju.

“Il-ġudizzju ġust iħalli fl-imħallef togħma bnina ta’ serenità u sens li jħossu li għamlu d-dover tagħhom,” qal l-Arċisqof.

Mons. Scicluna għamel referenza għall-frażi li juża’ Ġesù hu u jitkellem mad-dixxipli tiegħu: “ara qiegħed nibagħtkom bħal ħrief qalb l-ilpup.” Sostna li din il-frażi toffri immaġini qawwija ħafna għax il-ħaruf huwa ħafna drabi mingħajr difiża. Qal li l-Mulej jirriskja meta jibgħat lid-dixxipli tiegħu fid-dinja u jifhem li l-ambjent jista’ jkun ostili ħafna. Kompla jgħid iżda li Ġesù jagħti wkoll il-mezzi ta’ sopravvivenza f’ambjent tal-ilpup u “jgħidilna kunu safja u għaqlin.”

Irrimarka li l-Imħallef jew il-Maġistrat m’għandux jibża’ meta jħossu ħaruf imdawwar bl-ilpup għax jekk ikun safi u għaqli mela jkun jista’ jieqaf lil kull illegalità. “Mhux biżżejjed il-liġi u d-dritt, imma l-Imħallef b’umiltà kbira jrid japplika l-prinċipji tal-liġi għall-każ konkret wara li jara l-fatti tal-każ,” insista l-Arċisqof.

Hu temm l-awgurju tiegħu għall-bidu tas-sena forensic billi mhux biss jirringrazzja lill-Imħallfin u l-Maġistrati, imma jinkoraġġihom biex ikunu strumenti ta’ paċi fis-soċjetà.

“L-ewwel nett ħadd ma jgħati milli m’għandux. Tridu tibdew mill-paċi tal-qalb tagħkom. Imbagħad tridu tibnu paċi fis-soċjetà mibnija fuq il-verità mhux fuq il-gidba, fuq il-kuraġġ. L-ebda mħallef ma jista’ jkun imħallef ta’ vera jekk jibża’ minn dellu,” insista l-Arċisqof.

Irrimarka li hemm paċi li tiġi mill-ġustizzja li mhux kulħadd se jilqagħha. Qal iżda li dan m’għandux jaqtalhom qalbhom iżda jħallu lill-Mulej ikun il-faraġ tagħhom.