“​Ġudikanti m’għandhomx ikunu esklużi mill-Presidenza”

"Ġudikanti ma għandhomx ikunu esklużi mill-Presidenza".
Hekk qal is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Jose Herrera waqt dibattitu fit-Tieni Qari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Servizzi Parlamentari.
Herrera rrefera għall-fatt li l-Kostituzzjoni Maltija, hekk kif emendata fl-1974, tipprojbixxi li ġudikanti jkunu appuntati bħala Kap ta’ Stat. Huwa nnota li tradizzjonalment il-Presidenti ta’ Malta kienu mill-kamp politiku, għalkemm l-ewwel President ta’ Malta kien, qabel ma nħatar Gvernatur Ġenerali, Prim Imħallef. Huwa spjega li dik l-emenda kostituzzjonali kienet frott il-klima politika ta’ dak iż-żmien bil-għan li l-ebda ġudikant ma jobbliga ruħu lejn il-Gvern tal-ġurnata. Huwa sostna li llum il-possibbiltà li l-ġudikanti javvanzaw fil-karriera huma bosta, fosthom ħatriet barra l-pajjiż li wkoll jiddependu min-nominazzjonijiet tal-Gvern tal-ġurnata.
“Għandu jkollna fiduċja fil-ġudikanti tagħna li kapaċi jkunu professjonali fir-rwol tagħhom”, huwa qal waqt li tenna li l-kostituzzjoni għandha tiġi emendata biex titneħħa l-projbizzjoni eżistenti.
.