​Guardiola jispjega r-raġuni għan-nuqqas ta’ interess f’Sanchez

Waqt illi kien qed jitkellem mal-istazzjon Ingliż Sky Sport, il-kowċ ta’ Manchester City Pep Guardiola ammetta illi ma baqgħux jiġru wara Alexis Sanchez minħabba li ma xtaqux jonfqu aktar milli jmisshom.
Eventwalment Sanchez ingħaqad ma’ Manchester United illi min-naħa tagħhom taw lill-attakkant Henrikh Mkhitaryan lil Arsenal bi proċess ta’ tpartit.
Sanchez mistenni jieħu madwar 400,000 lira sterlina fil-ġimgħa, salarju li skont Guardiola ma jaffordjawx.
Il-kowċ Spanjol sostna illi l-iskwadra ta’ 22 plejer tiswa ħafna u huma qegħdin iżommu budget ristrett almenu sal-aħħar tal-istaġun.
Guardiola saħaq illi huwa mportanti illi jsostnu aktar is-settur taż-żgħażagħ sabiex jipproduċu aktar talenti fl-iskwadra.
Minkejja kollox is-Citizens qed jiddominaw il-kampjonat Ingliż u huma favoriti li jieħdu t-Tazza f’Mejju li ġej.