​Guardiola jiskuża ruħu bil-mod ta’ kif feraħ

Il-kowċ ta’ Manchester City Pep Guardiola talab apoloġija għal mod eċċessiv illi bih iċċelebra l-gowl tar-rebħa tat-tim tiegħu kontra Southampton.
Wara li s-City kienu marru minn fuq grazzi għall-gowl ta’ Kevin De Bruyne, Southampton wettqu reazzjoni u fit-tieni taqsima ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Oriol Romeu.
Kollox kien jindika li l-logħba se tispiċċa fi draw iżda gowl drammatiku skorjat minn Raheem Sterling fis-96 minuta witta t-triq għat-13-il rebħa staġjonali.
Min-naħa tiegħu Pep Guardiola, illi kien ferm anzjuż waqt il-logħba, tista’ tgħid żvoga sew hekk kif l-attakkant Ingliż tefa’ l-ballun fix-xibka tant illi ħareġ barra l-grawnd jifraħ.
Il-kowċ Spanjol skuża ruħu għal din il-ferħa xi ftit żejda għalkemm qal illi fit-tieni taqsima kellu tensjoni kbira għax beda jibża’ illi se jfallu xi punti minn din il-partita.
Fl-aħħar mill-aħħar din id-dikjarazzjoni fissret kemm l-eks kowċ ta’ Barcelona verament irid jieħu t-titlu Ingliż matul din is-sena.