Guardiola jirriżenja jekk il-pjanijiet ma jmorrux sew

Pep Guardiola qal li jekk kollox imur ħażin ma’ Manchester City, hu lest li jitlaq mill-kariga li għandu. Hu qal li ċ-chairman tal-klabb Khaldoon Al Mubarak jaf dan diġà.

Il-bidu iebes għal City din is-sena kompla b’telfa kontra Wolves nhar il-Ħadd li għadda. B’hekk spiċċaw tmien punti taħt il-leaders Liverpool.

Fil-ktieb il-ġdid li ħareġ Pep, iddiskuta r-relazzjoni mill-qrib li għandhu ma’ Khaldoon. Hu qal li Khaldoon jaf li jekk kollox imur ħażin, hu lest li jwarrab. Stqarr li se jkun qed jagħmel dak kollu li jista’ biex dan ma jseħħx.

Il-ktieb li nkiteb taħt il-gwida ta’ Pep stess, kixef ukoll li bi ħsiebu jimponi kemm għandhom idumu barra l-plejers nhar il-Milied din is-sena. Guardiola kien irrabjat ferm għall-fatt li xi plejers is-sena l-oħra baqgħu jiċċelebraw sa sbieħ l-għada.

Dan ġara ġranet qabel ma tilfu bl-iskor ta’ 3-2 kontra Crystal Palace.