Guardiola b’donazzjoni ta’ miljun kontra l-coronavirus

Il-maniġer ta’ Manchester City Pep Guardiola ta’ b’donazzjoni miljun ewro biex titkompla l-ġlieda kontra l-coronavirus fi Spanja. Guardiola li bħalissa qiegħed ġewwa Barcelona, ħadem mal-avukati tiegħu biex jara kif jista’ juża flusu bl-aħjar mod.

Id-donazzjoni saret lil kampanja li qed jieħdu ħsiebha l-Kulleġġ Mediku f’Barcelona u l-Fondazzjoni Angel Soler Daniel.

Spanja hija fost l-agħar pajjiżi milquta fl-Ewropa. Figuri uffiċjali kienu qed jimmarkaw sa nhar it-Tlieta li kien hemm 2,696 imwiet u qrib l-40,000 persuna infettata.

Il-flus se jintużaw biex jinxtara apparat mediku u materjal protettiv għall-istaff li jaħdem fl-isptarijiet fejn hemm persuni infettati bil-vajrus.