GT – għenba jew kont?

Ħafna minna jieħdu gost iniżżlu dik it-tazza nbid tajba… imma dan ma jfissirx li nafu dwar id-diferenza bejn Chardonnay, minn Gewurztraminers, minn Malbecs għal Merlotu Syrah. Jekk se tkun fil-kumpanija ta’ xi ħadd professjonali li tassew jifhem fl-inbid u fl-għenba… kif tippreżentah u kif isservih, ma’ liema ikel eċċ, allura l-aħjar tkompli taqra biex almenu tkun tista’ toħroġ ta’ nies.

  1. Bordeaux

Bordeaux hu l-akbar reġjun tal-inbid fi Franza, u minn fejn joħorġu l-aktar inbejjed popolari fid-dinja. Hemm aktar minn 7,500 produttur differenti b’aktar minn 120,000 ettaru ta’ dwieli. Dawn jipproduċu qrib il-75 miljun kaxxa tal-inbid fis-sena. Tazza nbid ħamra Bordeaux tinżel għasel mal-laħam bħal vitella, majjal, ċanga, ħaruf, papra u tjur. Imur perfettament mal-ħut bħal tonn jew salamun jew inkella ma’ ġobon tajjeb, Franċiż u mhux.
Fatti kurjużi: 

  • Ir-Re ta’ Franza għamel l-ewwel kompetizzjoni tal-inbid fl-1224, meta qassis Ingliż kien wieħed mill-ġurija.
  • L-inbid kienu jżidulu ċ-ċomb biex jiħwiel. Ludwig Van Beethoven, kompożitur rinomat, kien wieħed li jħobb jixrob ħafna nbid, u meta miet sabulu traċċi taċ-ċomb ġo xagħru.
  • Il-Griegi kellhom tazza partikolari li kienet timmodera x-xorb tal-inbid. Jekk it-tazza kienet tkun mimlija sa ċertu livell, din l-istess tazza kienet titbattal awtomatikament minn taħt. 
  • Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna mill-merkanti tal-inbid fil-Ġermanja kienu Lhud. Meta n-Nażisti sterminaw lil-Lhud, li kienet sitwazzjoni disastruża għan-negozjanti tal-inbid, in-negozjanti tal-inbid nixfilhom is-suq. 
  • L-inbid abjad jista’ jsir kemm bl-għenba bajda kif ukoll bl-għenba ħamra. L-uniku differenza li hemm bejn inbid abjad u nbid aħmar hu li l-abjad jiffermenta bla l-qoxra tal-għenba. Fil-fatt inbid aħmar għandu kontenut ta’ alkoħol aktar min inbid abjad, però attenti għax dan ivarja minn flixkun għal ieħor. 
  • F’Napa Valley, Kalifornja, waqt irkant tal-inbid fis-sena 2000, flixkun tal-1992 Screaming Eagle Cabernet Sauvignon ġab l-ogħla prezz li qatt tħallas għal flixkun inbid. Inbiegħ għal $500,000.
  • Fl-2016 ir-reġjun Franċiż ta’ Burgundy sar is-sit tal-wirt dinji tal-UNESCO. 
  1. Ixxala fuq Stein

Wurzburg hija belt fuq ix-xmara Mein fil-Bavarja. Fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, hemm telgħa wieqfa ħafna, kompletament miksija bid-dwieli tal-għenba Stein.  Ilu jiġi prodott l-inbid hawnhekk sa mit-tmien seklu u għadek tista’ ssib tixtrih sal-lum. Ħelu jew le jiddependi kemm hu antik, jiġi ġo flixkun qasir u tond. Ipprova ixrob tazza minn dan l-inbid ma’ zalzett tradizzjonali mill-Bavarja Weisswurst, biex idduq il-benna awtentika Ġermaniża. L-aktar inbid antik li qatt kien hawn ta’ din l-għenba hu tas-sena 1540, jiġifieri li sar 421 sena ilu. Huwa qadim u eċċezzjonali għax dik is-sena li sar, is-sħana kienet tant li x-xmara Rhine nixfet għal kollox, u l-bennejja kellhom jużaw l-inbid minflok ilma biex iħalltu mas-siment għaliex ma kienx hemm ilma. Huwa notevoli li l-inbid sar meta Michelangelo kien għadu jpitter, ir-Re Enriku VIII kien għadu kif iżżewweġ lil ħames mara tiegħu u Shakespeare kien għadu lanqas biss twieled…
3.  Nifhmu x’inhu Sassicaia
L-inbid Taljan kien ikun irħis u ta’ kwalità fqira, iżda familja waħda bidlet dan kollu. L-ewwel flixkun Sassicaia kien prodott fit-Toskana minm Mario Incisa delle Rocchetta fl-1948, li uża dwieli Cabernet Sauvignon minn Franza. Fl-1978 dan l-inbid kaxkar l-inbejjed kollha meta rebaħ lil 33 inbid varju minn 11-il post differenti, kompetizzjoni tal-inbid minn rivista awtorevoli ‘Decanter’. Illum jista’ jiswa ‘l fuq minn £150 kull flixkun. L-inbid Sassicaia huwa intens, aħmar nar fil-kulur, robust, b’togħma rikka, b’aroma eleganti. Skont espert tal-inbid minn Sotheby dan hu nbid ta’ veru, eċċellenti għal mal-ikel, l-aħjar servut mat-tjur, gamiem u ġobon maturat.
4.  Constantia
Klein Constantia huwa isem rinomat mad-dinja kollha għal inbid prim u fin. Hu prodott tad-dwieli li jikbru taħt id-dell tal-muntanja ċ-ċatta, Table Mountain, f’Cape Town fl-Afrika t’Isfel. Huwa nbid rikk, ikkonċentrat, ħelu u bnin. Ta’ min jieħdu mal-frott, għasel, xi briochejew torta tat-tuffieħ. Ir-Reġina Vittoria kien jogħġobha ferm, il-poeta Francis Charles Baudelaire kiteb dwaru, Napuljun talab tazza mill-Constantia fuq is-sodda tal-mewt tiegħu. Jane Austen fil-ktieb famuż tagħha ‘Sense and Sensibility’ tiddeskrivi l-inbid Constantia bħala kura għal qalb muġugħa. Charles Dickens jgħid li l-aħjar ħaġa hi tazza nbid bnina Constantia u gallettina tinħall f’ħalqek. Bi kwalifiki bħal dawn, min se jmerihom?
5.  Burgundy 
Reġjun uniku fi Franza, fil-widien tax-xmara Saone. Inbejjed famużi ferm magħmulin mill-għeneb ta’ Pinot Noir u nbejjed bojod mill-għeneb Chardonnay. It-temp tajjeb, il-ħamrija, l-agrikoltura u l-kura mirquma tul is-sekli ta’ esperjenza jilagħbu parti kbira f’dan is-suċċess. Burgundy aħmar jinżel tajjeb ħafna ma’ ħaruf il-forn jew majjal mixwi.