GSD Marketing tappoġġja kampanja kontra d-dijabete

Bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva, għat-tieni sena konsekuttiva, GSD Marketing appoġġat permezz tal-ilma Kristal il-kampanja tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete favur dieta aħjar u stil ta' ħajja b'saħħitha matul il-Ġimgħa Dinjija dedikata għad-Dijabete.
L-Assoċjazzjoni organizzat żewġ avvenimenti li matulhom ittieħdu testijiet tal-livell taz-zokkor fid-demm, wieħed f'The Point f'Tas-Sliema, u ieħor fil-kumpless ta' ħwienet f'Main Street, f'Raħal Ġdid, biex titqajjem kuxjenza akbar dwar il-bżonn ta' monitoraġġ regolari fost dawk li fil-familji tagħhom għandhom membri bil-kundizzjoni tad-dijabete.
It-tema ta' din is-sena kienet 'Ikel Bnin u d-Dijabete'. Biex tinżamm din it-tema, l-Assoċjazzjoni offriet kolazzjon u flixkun ilma Kristal sponsorjat minn GSD Marketing Ltd, li tqassmu b'xejn.
Skont statistika maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, ir-rata tal-persuni f'Malta fl-età akbar minn 50 sena li jbatu bil-kundizzjoni tad-dijabete, hi ogħla mill-medja fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Fil-grupp ta' persuni fl-età bejn 45 u 49 sena, ir-rata hi ogħla mill-medja fl-UE.
B'mod ġenerali, ir-rata f'Malta dwar il-kundizzjoni tad-dijabete hi l-aktar għolja fir-reġjun tal-Mediterran. Fl-2014, 269 persuna f'Malta mietet kawża ta'  kumplikazzjonijiet mill-kundizzjoni tad-dijabete.