Gruppi Kattoliċi fl-Amerika jappoġġjaw riforma fil-ħabsijiet

Investiment qawwi fir-riabilitazzjoni tal-priġunieri

Gruppi Kattoliċi fl-Istati Uniti qed jappoġġjaw Liġi dwar riforma fil-Ġustizzja Kriminali li qed tkun diskussa fis-Senat Amerikan.

Il-Liġi għandha l-appoġġ taż-żewġ partiti fis-Senat, u l-President Trump innifsu. L-iskop tagħha hu li tirriforma s-sistema tal-ħabsijiet u tgħin fl-integrazzjoni ta’ priġunieri fis-soċjetà wara li jkunu skuntaw is-sentenzi tagħhom.

Fost bidliet li se jsiru hemm li jiżdied in-numru ta’ punti li priġunier jikseb għal imġieba tajba u għall-parteċipazzjoni fi programmi li jnaqqsu r-ripetizzjoni tar-reati u programmi oħra produttivi. Se jkunu vvutati $250 miljun għal programmi edukattivi, vokazzjonali u oħrajn maħsuba biex jibnu l-ħiliet tal-priġunieri.  NGOs, anke dawk reliġjużi, se jitħallew jassistu fil-ħolqien u l-implimetazzjoni ta’ dawn il-programmi.

Il-provvedimenti l-ġodda se jkunu japplikaw biss għal priġunieri kundannati fuq ċerti reati. Dawk kundannati għal akkużi ta’ vjolenza bħalma huma vjolenza domestika, traffikar għal skopijiet ta’ sess ma jibbenefikawx minn dawn il-punti.

Il-“First Step Act” kif inhu msejjaħ, se jwaqqaf ukoll il-prattika kontroversjali kontra priġunieri nisa tqal u jgħid li prodotti ta’ iġjene jkunu provduti lil priġunieri nisa, bla ħlas. Il-Liġi tgħid ukoll li l-priġunieri ma għandhomx jinżammu f’ħabs li hu bogħod aktar minn 500 mil mill-familji tagħhom għax instab li jekk il-priġunieri jdumu aktar fil-preżenza tal-maħbubin tagħhom jgħinhom jintegraw lura fis-soċjetà.

Priġunieri meqjusa li ma jippreżentaw ebda riskju jew ftit riskju, flok fil-ħabs jibdew jinżammu f’ “ħalf way house” jew ikunu ristretti li ma joħorġux mid-dar. L-età li wieħed ikun jista’ jibbenefika minn din il-miżura se tinżel minn 65 sena għal 60 sena.

Żewġ organiżazzjonijiet Kattoliċi qalu lill-Catholic News Agency li huma ottimisti dwar din il-liġi u jħossu li din hi pass tajjeb biex titjieb is-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-pajjiż.

Il- “ First Step Act”, ismu miegħu: hu l-ewwel pass importanti mill-Gvern biex tinbidel is-sistema ta’ kastigi ħorox, sentenzi sproporzjonati u l-konsegwenzi li dawn iġibu magħhom. Din hil-fehma ta’ Griffin Hardy kelliem għal Sister Helen Prejean li hi attivista kontra s-sentenzi tal-mewt.

Kummenti simili għamilhoma il-  Catholic Mobilizing Network, organiżazzjoni li taħdem għal ġustizzja restorattiva  u t-tneħħija tal-piena tal-mewt. Din l-organiżazzjoni tqis il-liġi bħala waħda li jistħoqqilha l-attenzjoni tal-Kattoliċi u tal-Amerikani kollha.

Il-liġi ġiet fi żmien li jikkoinċidi mal-Ittra Pastorali riċenti tal-Isqfijiet Amerikani kontra r-razziżmu li turi kif il-preġudizzju razzjali sar parti mill-istrutturi soċajli tal-pajjiż u b’mod partikolari fil-ħabsijiet Amerikani.  Il-liġi toffri opportunità lill-Kattoliċi biex iwieġbu għas-sejħa tal-Isqfijiet biex ikun hemm politika u istituzzjonijiet għall-ġid ta’ kulħadd.