Gruppi għal dawk li għandhom ħuthom b’diżabbiltà

L-aħwa ta’ dawk il-persuni b’diżabbiltà jaffaċċjaw ċerta diffikultajiet u mistoqsijiet li ħafna drabi dawn qatt ma jiġu mwieġba. Għalhekk l-Aġenzija Sapport se tkun qed torganizza gruppi ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabbiltà.

Dawn il-gruppi se jkunu qed jitmexxew minn professjonisti fil-qasam tad-diżabbiltà, b’mod partikolari minn ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Sapport li jaħdmu viċin il-persuni b’diżabbiltà u dawk kollha li huma involuti fil-ħajja tagħhom.

Il-persuni li jattendu dawn il-gruppi se jkunu qed jiltaqgħu ma’ persuni oħrajn li bħalhom għandhom ħuthom b’diżabbiltà, u flimkien ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.

B’kollox se jkun hemm seba’ sessjonijiet li matulhom se jkunu qed jiġu diskussi suġġetti relatati mad-diżabbiltà u anke jiġu mistiedna esperti f’dan il-qasam sabiex jitkellmu fuq suġġetti partikolari ta’ interess għall-parteċipanti, fosthom kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, l-aspetti legali, s-servizzi li jistgħu jaċċessaw għal ħuthom b’diżabbiltà, u oħrajn.

Dawn il-laqgħat se jsiru fiċ-ċentru ta’ taħriġ tal-Aġenzija Sapport f’Santa Venera. Il-gruppi huma miftuħin għall-aħwa li għandhom ’il fuq minn 18-il sena. Dawk interessati li jattendu għal dawn is-sessjonijiet għandhom japplikaw billi jċemplu lill-Aġenzija Sapport fuq 22568000 jew jidħlu fis-sit www.sapport.gov.mt għal aktar informazzjoni u kopja tal-applikazzjoni.

Is-sessjonijiet mistennija jibdew f’Awwissu u se jkunu fi gruppi żgħar ta’ mhux aktar minn 20 parteċipant għalhekk postijiet huma limitati.

Għal iktar aġġornamenti wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Sapport.