Grupp ta’ tobba se jibdew jagħtu pariri b’xejn fuq pjattaforma online

Grupp ta’ tobba ngħaqdu biex iniedu sit elettroniku li fuqu se jibdew joffru pariri b’xejn. Dan biex itaffu xi ftit mill-pressjoni li hawn fuq it-tobba u l-professjonisti tas-saħħa bħalissa minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Is-sit www.doctor.mt tnieda fuq inizjattiva tat-tabib tal-familja Christopher Deguara, flimkien mal-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ Cyberspace, Tony Cassar.

Dan il-portal jipprovdi lill-pubbliku pjattorma elettronika temporanja b’xejn li permezz tiegħu kulħadd jista’ jikseb aċċess għal informazzjoni medika korretta u aġġornata u jirċievi parir dirett u b’xejn fuq il-mowbajl.

Dr Chris Deguara spjega l-kunċett wara dan il-proġett: “Permezz ta’ Doctor.mt irridu niżguraw li dak li jkun jibqa’ ġewwa kemm jista’ jkun, u li nnaqqsu l-piż fuq is-servizzi tas-saħħa tagħna, li għandhom sfida kbira quddiemhom biex ilaħħqu mat-talba ta’ bħalissa. Din l-inizjattiva tnaqqas ir-riskju li wieħed jittieħed, u peress li hi mingħajr ħlas, tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji tagħna f’dan iż-żmien ta’ kriżi”.

Talbiet fuq www.doctor.mt jistgħu jsiru fi kwalunkwe ħin u t-tim ta’ speċjalisti, li qed jaħdem mid-dar, se jkun qed iwieġeb bejn it-8.30 am u t-8.30pm. Il-pazjenti għandhom jiftħu kont li permezz tiegħu jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni jew jikkonsultaw tabib. Maniġer tas-sistema, li se tkun qed titmexxa minn Voluntiera Malta, se jalloka t-talbiet lit-tobba disponibbli biex tkun żgurata tweġiba kemm jista’ jkun malajr. L-ispeċjalista mbagħad jagħmel kuntatt mal-pazjent permezz ta’ telefonata jew Whatsapp u jipprovdi riċetta permezz ta’ sistema elettronika.

Dr Deguara spjega li: “Dan il-proġett hu finanzjat kompletament minn sponsors u aħna ninsabu lkoll grati li dawn emmnu f’din l-inizjattiva biex inkunu nistgħu noffru servizz mediku privat b’xejn lil Malta kollha”.

Din il-pjattaforma qed titnieda taħt il-Patroċinju distint tal-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella, li huwa wkoll, fil-professjoni tiegħu, speċjalista tal-mediċina tal-familja.

Dr Deguara u Tony Cassar esprimew l-apprezzament tagħhom lil dawk lill-isponsors kollha li emmnu f’din l-idea innovattiva biex jingħata appoġġ lill-pajjiż f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Dawn jinkludu Cyberspace, WH Partners, James Caterers, Simblija Care Home, Farsons, Multigas, Attard Brothers, Right Projects Company Ltd, Nectar, Peking Chinese Cuisine, CE installations, Attrans Ltd, CellPhone, Voluntiera Malta u individwi privati oħra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn