Grupp ta’ Rover Scouts inaddfu l-bajja ta’ Fomm ir-Riħ

Numru ta’ Rovers mill-Grupp tal-Iscouts tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi organiżżaw attività ta’ tindif fil-bajja ta’ Fomm ir-Riħ fl-Imġarr. Dawn l-iscouts iddeċiedew li jieħdu din l-inizjattiva li jnaddfu l-bajja, wara li nnutaw li ta’ spiss kienet qed tkun mimlija skart, tant li ttellef mis-sbuħija naturali tal-bajja.
Fost l-oħrajn, inġabru diversi fliexken tal-plastik, jerry cans, ħbula u materjal ieħor li jintrema’ min-nies fil-baħar.
L-ikbar biċċa xogħol għal dawn l-iscouts kienet sabiex l-iskart li nġabar jittella’ mill-bajja.
Kif intemmet din l-attività, ir-Rover Scouts iltaqgħu mas-Sindku tal-Imġarr Paul Vella fejn il-Kunsill Lokali pprovda trakk sabiex jinġarr l-iskart.
Minn żmien għal żmien, l-iscouts ta’ San Alwiġi jkunu nvoluti f’inizjattivi bħal dawn favur il-komunità.