Grupp ta’ immigranti rilokati lejn pajjiżhom

Photo by DOI: Omar Camilleri

Read in English.

Permezz ta’ titjira tal-Air Malta, grupp ta’ persuni li waslu irregolarment f’Malta ntbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom permezz ta’ ħidma ta’ ritorn mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija.

Fi stqarrija l-gvern qal li l-immigranti ġew minn barra l-Ewropa u waslu Malta irregolarment bil-baħar fl-2019 u l-2020. It-talba tagħhom għall-ażil ġiet ipproċessata fix-xhur ta’ wara mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali.

Il-gvern qal li l-proċess tar-ritorn tagħhom beda immedjatament kif ġie kkonfermat li dawn il-persuni ma ħaqqhomx protezzjoni u ma kienx hemm riskji għalihom jekk kemm-il darba jiġu rritornati lejn pajjiżhom.

Omar Camilleri (DOI)

Ġie spjegat kif il-proċess tar-ritorn m’huwiex faċli, speċjalment minħabba l-fatt li dawn l-immigranti waslu f’Malta mingħajr dokumenti ta’ identifikazzjoni. Id-diffikultajiet marbuta mar-ritorn komplew jiżdiedu hekk kif faqqgħet il-pandemija globali tal-COVID-19.

Analiżi tal-Qorti tal-Awdituri Ewropej li saret fl-2020 sabet li anqas minn 30% tal-immigranti irregolari minn barra l-Ewropa jiġu irritornati mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Waqt żjara li għamel lill-iskorti li ħadu sehem f’din it-titjira, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fakkar fl-importanza tar-ritorn bħala wieħed mill-pilastri tal-Gvern fl-istrateġija dwar l-immigrazzjoni.

Huwa spjega l-ħidma li qed issir mill-Gvern sabiex aktar persuni li ma ħaqqhomx jibqgħu f’Malta jintbagħtu lura, l-aktar permezz tat-twaqqif ta’ taqsima iddeddikata għal dan il-għan u l-investiment fis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija mħabbra fl-aħħar baġit.

L-ispejjeż relatati ma’ din l-operazzjoni ġew koperti minn fondi tal-Unjoni Ewropea iddedikati għar-ritorn mill-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn