Grupp ta’ immigranti jintbagħtu l-Ġermanja

Read in English.

Illum ġew rilokati grupp ta’ immigranti fil-Ġermanja. Fi stqarrija l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi spjega li dan huwa l-ħames grupp ta’ immigranti li ġew rilokati minn Settembru s’issa. L-immigranti li jiġu rilokati jkollhom it-talba tagħhom għall-ażil determinata fi stati membri oħra. 

Dan l-eżerċizzju ta’ rikolazzjoni ġie koordinat mal-Kummissjoni Ewropea wara t-talbiet li għamlet Malta biex ikun hemm qsim tar-responsabbiltà tal-immigranti irregolari li jaslu fix-xtut Ewropej. 

L-istqarrija spjegat li meta ssir rilokazzjoni tal-persuni tagħti opportunità lill-awtoritajiet Maltin biex inaqqsu l-pressjoni fuq iċ-ċentri tal-immigranti u jindirizzaw id-dewmien fil-proċess tal-ażil.

Għal din l-operazzjoni kien hemm involuti l-uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u l-kontropartijiet tagħhom fi stati membri oħra. It-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO) taw sehemhom ukoll biex dawn l-immigranti jiġu rilokati. Il-proġett ta’ rilokazzjoni huwa ko-finanzjat mill-għajnuna ta’ emerġenza tal-Unjoni Ewropea taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF).

Xeni ta’ qsim il-qalb

F’din l-istqarrija l-Gvern ma semmiex in-numru ta’ immigranti li ġew rilokati. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li n-numru ta’ persuni li ġew rilokati huma ftit iktar minn nofs ta’ dawk li suppost kellhom imorru.

Ilbieraħ l-immigranti li kellhom isiefru llum sarilhom swab test għall-Covid-19 u nstab li wieħed jew tnejn minn wieħed minn dawn il-gruppi kienu pożittivi u għalhekk il-grupp kollu kellu jibqa’ Malta għal iktar żmien sabiex jiġu mħarsa l-protokolli tal-Awtroritajiet tas-Saħħa.

Dawk li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li kien hemm xeni ta’ qsim il-qalb kemm mill-adulti kif ukoll mit-tfal meta ġew infurmati li mhux se jkunu jistgħu jsiefru lejn il-Ġermanja llum. Il-grupp mistenni jsiefer la darba jkun hemm l-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa u l-grupp jirriżulta kollu negattiv għall-Covid-19.