Grupp ta’ ħidma ġdid se jieħu ħsieb l-istrateġija tat-trobbija pożittiva

Twaqqaf grupp ta’ ħidma (taskforce) magħmul minn grupp ta’ professjonisti li flimkien se jaslu biex jimplimentaw il-Politika Strateġika Nazzjonali dwar it-Trobbija Pożittiva, li tnediet fl-2016.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Familja, Michael Falzon, li fi stqarrija qal li din il-politika  se tħares li tippromwovi atteġġjament pożittiv dwar it-trobbija tat-tfal u li l-iżvilupp u t-twettiq ta’ din il-politika se jkunu qed jaħdmu f’kuntest kulturali li jirrifleti wkoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Waqt laqgħa mat-taskforce dalgħodu, il-Ministru Falzon spjega li permezz ta’ din il-politika se naħsbu fis-soċjetà kollha kemm hi minħabba li t-tfal tal-lum huma l-ġenerazzjoni ta’ għada.
“Huwa għalhekk li rridu naħsbu fil-futur u ma niġux f’sitwazzjoni fejn niffaċċjaw problemi soċjali li ma nkunux preparati u lesti għalihom”, sostna Falzon.
Intqal li din il-Politika dwar it-Trobbija Pożittiva se tibni fuq struttura diġà eżistenti, jiġifieri l-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal, li tnediet f’Novembru li għadda u li iktar ma jgħaddi żmien, qed tilħaq l-għanijiet tagħha.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut