Grupp ta’ azzjoni kontra l-bini tal-irziezet qrib id-Dar tal-Providenza

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jappella mid-deċiżjoni tal-MEPA li jinbnew 12-il razzett fl-inħawi magħrufa bħala ta' San Niklaw fil-limiti tas-Siġġiewi u l-Qrendi.
Il-MEPA approvat dan il-proġett tal-Gvern fl-10 ta' Lulju iżda l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ilu joġġezzjona għal dan l-iżvilupp.
Ilbieraħ filgħaxija saret laqgħa pubblika taħraq fejn is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina ressaq mozzjoni li sabet l-appoġġ unanimu tal-Kunsill kollu biex jitwaqqaf grupp ta' azzjoni għaliex dan il-proġett imur kontra l-interess tas-Siġġiwin.
Uħud minn dawk preżenti sostnew li m'għandux ikun hemm politika partiġġjana għaliex l-iżvilupp se jħalli inkonvenjenzi kbar speċjalment għar-residenti fid-Dar tal-Providenza.
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jitlob ukoll laqgħa urġenti mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fuq dan l-iżvilupp tal-irziezet.
Mhux eskluż li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi wkoll jifforma parti minn dan il-grupp ta' azzjoni għalkemm dan il-Kunsill se jkun qed jiddiskuti dan l-iżvilupp il-ġimgħa d-dieħla, fit-23 ta' Lulju.
Fil-granet li għaddew, ma' Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-Qrendi David Schembri qal li għalkemm l-applikazzjonijiet għal dawn l-irziezet tressqu 6 snin ilu, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi qatt ma ġie kkonsultat.
Fil-midja soċjali, residenti mis-Siġġiewi qalu li għandhom issir protesta jew jinġabru l-firem f'petizzjoni biex titressaq għall-attenzjoni tal-Prim Ministru.