Grupp ta’ 18 jaslu fil-quċċata tal-muntanja Kilimanjaro

Waslu fil-quċċata tal-muntanja Kilimanjaro, it-18-il persuna Maltija li daħlu għal din l-isfida din is-sena.
Hekk kif waslu fuq nett, il-grupp ħa ritratt ta’ tifkira fejn anke nħareġ ritratt kbir ta’ Nirvana Azzopardi.
Isem il-personalità Maltija, li tilfet il-battalja tagħha mal-kanċer ftit iktar minn sena ilu, se jingħata lil kindergarten li se jinbena fl-Etjopja. Permezz ta' din l-isfida nġabru iktar minn €65,000. 
L-organizzatur Keith Marshall irringrazzja ‘l Alla li rnexxiet, u lil dawk kollha li għenu fl-inizjattiva.
L-ewwel darba li saret din l-isfida kien 8 snin ilu. Il-muntanja hi l-ogħla waħda fid-dinja, bi kważi 6,000 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar.
S’issa ħadu sehem madwar 100 persuna li flimkien ġabru iktar minn €500,000.
Id-donazzjonijiet għadhom jistgħu jintlaqgħu anke f’dawn il-jiem billi dak li jkun iċempel fuq in-numri:
– 51502084 għal donazzjoni ta' €5
– 51602028 għal donazzjoni ta' €10
– 51802095 għal donazzjoni ta' €25
– jew jibgħat sms fuq in-numru 50617389 għal donazzjoni ta' €2.33 jew fuq in-numru 50618062 għal donazzjoni ta' €4.66.