Grupp li jħabrek biex jagħti vuċi lil min m’għandux mogħti premju mistħoqq

Fondazzjoni li dejjem ħabirket biex tagħti vuċi lill-minoritajiet, huma fejn huma, rebħet Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2017 organizzat mill-Moviment Kerŷgma.
Ir-rebbieħa kienet il-Fondazzjoni Agara, li waqt l-għoti tal-premju kienet irrappreżentata minn Stephanie Micalllef.
L-Agara twaqqfet fl-2014 wara li żewġ żgħażagħ kellhom esperjenza ta’ volontarjat fl-Etjopja u ddeċidew jiftħu iżjed il-ħidma volontarja tagħhom u jesploraw metodi moderni fil-qasam tal-volontarjat u t-teknoloġija.
Fil-fatt, “Agara” tfisser “nimxu flimkien” bl-Etjopjan.
Agara jissapportjaw komunitajiet madwar id-dinja, fosthom fil-Kenja, fl-Etjopja, fil-Libanu, fir-Rumanija, fil-Perù, u finalment f’Malta wkoll.
Il-fondazzjoni taħdem bis-sħiħ biex toħloq kuxjenza u twassal il-vuċi ta’ dawk li l-dinjità tagħhom mhix tiġi mħarsa u rispettata kif jixraq lill-umanità.
Fl-2017 il-membri ta’ Agara kellhom esperjenzi ta’ volontarjat fil-Libanu u r-Rumanija meta ħolqu laboratorji b’laptops li kienu nġabru minn Malta.  Saru diversi sessjonijiet ta’ tagħlim tal-IT jvarjaw minn dawk bażiċi sa oħrajn avvanzati bħal ECDL u photoshop fost l-oħrajn.
Għall-2018, Agara beħsiebhom jifirxu l-ħidma tal-volontarjat fil-mużika u l-isports.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-premjijiet kien hemm il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca u l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, fost l-oħrajn.
Il-premju kien isponsorjat mill-Bank APS.
Il-finalisti kienu Agara Foundation, Ryan Attard mill-Fgura, Felicienne Cini miż-Żebbuġ, Martina Fenech mill-Mosta, Mellieha Youth u Matthew Theuma mil-Għarb.
Fir-ritratt: il-membri kollha ta' Agara, flimkien mal-Arċisqof Emeritu