Grupp kbir ta’ MEPs iridu li Micallef jitneħħa mill-kariga

Grupp kbir ta’ Ewroparlamentari minn diversi partiti politiċi talbu biex Jason Micallef jitneħħa immedjatament minn Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
72 MEP rreferew għall-ittra ppubblikata minn PEN International, li fiha 275 kittieb internazzjonali ikkundannaw il-kummenti ta’ Micallef dwar il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, billi sostnew li mhumiex kummenti li għandhom jiġu minn persuna fil-pożizzjoni tiegħu.
L-istess kliem qaluh l-MEPs, li qalu li l-aġir ta’ Micallef mhu dinjituż xejn.
Fl-aħħar xhur, Micallef ġie akkużat li permezz tal-midja soċjali qed jattakka l-libertà tal-espressjoni tal-attivisti billi jissuġġerixxi li kull sinjal ta’ protesta għandu jitwaqqaf jew jitneħħa.
Qalu li huma tal-istess fehma bħall-kittieba, u għalhekk għandhom l-istess sentiment ta’ rabja għall-mod kif, dejjem fi kliemhom, Micallef iddisprezza lill-ġurnalista anki wara mewtha, u baqa’ sejjer jagħmel hekk anki wara l-ittra ffirmata minn dawn il-kittieba internazzjonali.
Irriferew għat-talbiet kontinwi li għamel Micallef biex jitneħħew strixxuni li twaħħlu fil-Belt Valletta, u dehrilhom li dan l-aġir ma jaqbilx ma’ xi ħadd li qed jirrappreżenta lill-Belt għall-kultura.
Għalhekk talbu lill-Kummissjoni Ewropea titlob biex Micallef jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa, kien wieħed minn 5 MEPs oħra li mexxew din l-inizjattiva.