Grupp jinsisti li tittieħed azzjoni fuq pjanta “li ma tħalli xejn jikber madwarha”

Il-grupp Grow 10 Trees qed jitlob lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu passi kontra l-importazzjoni u t-tħawwil ta’ pjanti aljeni, speċifikament il-Fountain Grass u li tiġi ppjanata strateġija biex treġġa’ lura l-ħsarat li diġà saru.
Insistew li r-responsabbiltà ewlenija trid tkun f’idejn l-awtoritajiet.
Fi stqarrija, il-grupp ta’ voluntiera qalu li minkejja li bagħtu bosta imejls liċ-Ċermen tal-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent, kif ukoll lill-Ministru għall-Ambjent José Herrera, jisħqu li l-kliem tagħhom waqa’ fuq widnejn torox.
“Aħna ma writniex id-dinja mingħand missierijietna, imma sselifnieha mingħand uliedna” – Voluntiera ma Grow 10 Trees.
Il-pjanta Fountain Grass jew Penisetum, li ġiet importata Malta minn kumpanij lokali, qed tagħmel ħerba sħiħa mill-ekosistema lokali. Il-Grupp ta’ Facebook Grow 10 Trees għamilha missjoni ċara tiegħu li jeradika din il-pjanta invażiva waqt laqgħa li saret nhar it-2 ta’ Diċembru fin-Naxxar.
Il-voluntiera li nġabru ġewwa n-Naxxar neħħew ix-xuxa u ġabruha f’boroż tal-plastik li iktar tard ġew maħruqa biex inaqsu mit-tifrix taż-żerriegħa. Huma qalgħu wkoll il-kumplmanet tal-pjanta minn ġol-ħamrija.
Imma wieħed forsi jistaqsi għalfejn pjanta daqstant sabiħa għandha tiġi meqruda. Skont Grow 10 Trees, din il-pjanta hija folta, u bl-għeruq li tifrex ma tħalli xejn mix-xitel lokali jikber minflokha, jew fil-viċinanzi.
Apparti minn hekk, iż-żerriegħa tagħha tinfirex pjuttost malajr permezz tar-riħ jew ilma ġieri.
Waqt il-laqgħa tagħhom, il-voluntiera sabu ukoll varjetà ta’ pjanti aljeni u invażivi oħra li qed jikbru u jivvalenaw il-ħamrija lokali u l-bniedem inkluż is-siġar taċ-ċomb, bżar Brażiljan u sukkulenti oħra.
Riċentament intlaħaq ftehim  fejn Malta se tibda tinforza avviż ta’ 48 siegħa bil-quddiem f’każijiet tal-importazzjoni ta’ pjanti speċifiċi. 
Il-grupp ta’ Facebook inħoloq bil-għan li jitkabbru u jiġu indokrati għaxar siġriet fil-ġonna jew fid-djar tagħhom.